Hemm min taqbiżlu u jaqbad jgħajjat, iżjed ma jdumx ma jgħaddilu.
Għalija kull imdawwar qagħaq.
Il-ħmar denbu warajh u tiegħu ħadd ma jarah.
Id-difetti tiegħu ħadd ma jarahom.
Min imiss iż-żift jiċċappas.
Min jagħmilha ma' nies ta' karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
Ħu l-fama u mur orqod.
Ħu ħsieb tar-reputazzjoni tiegħek għax darba titlifha.
It-tebqat tal-ħorġa jintefgħu wara d-dahar.
Faċli ħafna tara d-difetti ta' ħaddieħor minflok tiegħek.
Jekk int ċawla tippruvax tagħmilha ta’ seqer.
Tippruvax mingħalik timpressjona u tkun aħjar milli verament int.
Kutu kutu qrunu f’butu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik.
Aħjar qalb tajba minn wiċċ sabiħ.
Aħjar tkun twajjeb milli sabiħ fiżikament.
Ix-xellejjin mibgħuda ħajjin u mejtin.
Min imur jgħid kulma jisma' kulħadd ikun jobogħdu.
Id-dawran ta’ billejl qatt ma jġib ġid.
Min joħroġ jiġġerra billejl mhux tal-affari tiegħu.
Ħuġġieġa tat-tiben fis-siegħa u l-ħin tintefa.
Bniedem li taqbiżlu malajr jagħmel ħafna kjass, iżda ma jdumx ma jgħaddilu.
Il-qamar bil-pipa f’ħalqu u kulħadd kif Alla ħalqu.
Il-karattru tal-bniedem diffiċli jinbidel, għax hekk maħluq.
Bin is-sengħa għandu nofsha.
L-ulied jirtu ħafna aspetti tal-karattru mill-ġenituri tagħhom.
Ebda saba’ ma jixbah lill-ieħor.
Kulħadd għandu karattru u opinjonijiet differenti.
Friex, żibel u ġieħ fittex wittih.
Tħallix lil min jipprova jħammiġlek ismek.
L-għira ddur mad-dwejra.
Min jgħir għalik il-ħin kollu għassa tiegħek ħalli jara x'inti tagħmel.
Ħatab wisq għan-nar tajjeb.
Min ikun twil iżda jibża' minn kollox, xorta mhu tajjeb għal xejn.
Inbid inbidejn minn raġel jagħmel tnejn.
Meta jieħdok ix-xorb, l-affarijiet ma tibqax tarahom sew. Inbidejn tfisser żewġ tazzi nbid (u aktar).
Bis-saħħa tal-għarusa tiżfen il-qattusa.
Hemm min japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni meta tiġih l-okkażjoni.
Il-gost tal-pipa fiċ-ċekċika.
Ħu gost bil-kapriċċi li tagħmel.
Kelb li jinbaħ ma jigdimx.
Hemm min taqbiżlu u jaqbad jgħajjat, iżjed ma jdumx ma jgħaddilu.