Il-flus trid tbati u taħdem għalihom, bil-ftit ma jsir xejn.
Tiġieġa ħawtiela bajjada.
Għejien ix-xogħol huwa s-sabar.
Biex ix-xogħol isir sew, irid isir bil-paċenzja. Għejien tfisser assistent.
Għajnejn sidha jimlewlha żaqqha l-baqra.
Kulħadd iqis li xogħlu jiswa ħafna flus.
Ix-xogħol salmura tal-ġisem.
Ix-xogħol fiżiku jsaħħaħ il-ġisem u jipprevjeni l-mard, bħas-salmura li tippreżerva l-ikel.
Il-bieżel ma jsib l-ebda triq magħluqa.
Min jaħdem u jistinka dejjem jasal fejn irid.
Jiekol bir-riħa u jħallas biċ-ċekċik.
Min ix-xogħol ma jagħmlux sew, ma jaqlax flus.
Min jgħid kontra s-sengħa ma jsirx mgħallem.
Min imaqdar xogħlu qatt ma jitgħallmu sew.
L-istokk u ż-żebgħa jgħattu kollox.
Ix-xogħol ħażin hemm mezz kif jitranġa.
Bewla bla bassa, kastell bla għassa.
Kull aspett minn biċċa xogħol għandu jsir tajjeb.
Għal tal-aħħar m’hemmx palju.
Ma tistax tieħu l-mertu tax-xogħol li għamlu ta' qablek.
Kulħadd xogħlu jogħġbu.
Kulħadd jara tiegħu tajjeb u ta' ħaddieħor ħażin, anke fix-xogħol.
Għal melħa ma jħallix il-borma ħelwa.
Għal naqra, agħmel ix-xogħol sew.
Xogħol ta’ ħorrox borrox, imma l-istokk u ż-żebgħa jgħattu kollox.
Ix-xogħol ħażin hemm mezz kif jitranġa.
Ix-xogħol jeqred il-fies u l-vizzju jeqred in-nies.
L-għodod tax-xogħol jinqerdu bl-użu, iżda l-vizzji jeqirdu l-bniedem. Fies huwa tip ta' għodda li taqta' l-ġebel.
Fost l-ixirka min jaħdem u min għażżien.
Hemm min jaħdem u hemm min ma jrid jagħmel xejn.
Bis-swat u biż-żmien jitbiżżel l-għażżien.
Bit-tbatija li jġib fuqu nnifsu, l-għażżien ikollu jitgħallem ikun bieżel ukoll.
Ħobż il-fqir gerbubi u trid tiġri biex tilħqu.
Min ma jaqlax biżżejjed flus diffiċli jgħajjex il-familja. Gerbubi tfisser tond.
Jekk ma taqsamx il-bħajjar ma tkunx tista’ tnajjar.
Kien jeħtieġ li l-baħrin imorru jaħdmu fuq il-baħar 'il bogħod minn familthom biex jaqilgħu x'jieklu. Bħajjar huma oċeani u tnajjar tfisser tkampa.
Aħjar waħda maħruqa minn tnejn nejja.
Aħjar tagħmel biċċa xogħol mhux perfetta milli ma tagħmel xejn.
It-tbakkir jagħti s-saħħa.
Tħoss li jkollok iżjed enerġija meta tbakkar (tqum kmieni) għax-xogħol.
Il-ħierek u l-bieżel jiftiehmu.
Min juri ħeġġa għax-xogħol nies bħalu jfittex. Ħierek tfisser xi ħadd li jitħarrek, jiġifieri li jmidd idejh għax-xogħol.