Dejjem irridu aktar anke meta diġà għandna ħafna, għax qatt m’aħna kuntenti.
Kategorija: ir-regħba
Min dari jagħti miet; baqa’ Qanċiċu li lanqas jagħti rmied.
Min kien imexxi qabel kien joħroġ iżjed flus minn dan ta’ bħalissa, li jqanċeċ biss. Dari tfisser qabel.
Mewt ix-xħiħ bħal dbiħ il-ħanżir, il-werrieta ferħana se ttir.
Il-mewt ta’ min hu xħiħ iġġib magħha l-ferħ, hekk kif il-werrieta jsibu x’jirtu wara mewtu.
Meta x-xħiħ jiftaħ idu, il-kemm ma tistax tgħidu.
Meta x-xħiħ jiddeċiedi li jagħti, qatt ma tista’ tgħid kemm se jagħti għax mhux soltu tiegħu.
L-ilħiħ jegħleb lix-xħiħ.
In-nies wiċċhom tost idejquk iżjed min-nies rgħiba.
Kien xħiħ iqis u jkejjel, biex ħaduh il-bhejjem u hemm ħallewh għal dejjem.
Li tkun xħiħ ma jservi għalxejn, għax trid tmut bħal kulħadd u kollox warajk tħalli. Ħaduh il-bhejjem tfisser li ġibduh il-bhejjem fuq il-karru tal-mejtin, kif kienu jagħmlu dari.
Jarmi l-qoħta u jerfa’ l-ġid.
Min hu rgħib dejjem jagħmel taparsi m’għandux biex jgħix, minkejja li jkollu l-ġid. Il-qoħta tfisser skarsezza.
Ix-xħiħ għal ħabba jqaxxar qamla.
Ikollu kemm ikollu, ix-xħiħ jibqa’ dejjem irid.
Ix-xħiħ għal ħabba jqalleb suq.
Ikollu kemm ikollu, ix-xħiħ jibqa’ dejjem irid.
Ir-regħba tal-flus hija l-għerq ta’ kull deni.
In-nies jagħmlu ħafna għall-flus, u dan iwassal għal għawġ kbir.
Il-lħiħ jegħleb ix-xħiħ.
Aħjar ikollok x’taqsam ma’ bniedem xħiħ milli ma’ bniedem fitt. Lħiħ tfisser fitt.
Il-leħħa tegħleb ix-xeħħa.
Aħjar ikollok x’taqsam ma’ bniedem xħiħ milli ma’ bniedem fitt. Leħħa tfisser fittaġni.
Il-kelb tal-basal la jiekol u la jħalli min jiekol.
La ma nistax ingawdi xi ħaġa, mhux se nħalli lil ħaddieħor igawdiha lanqas.
Il-fqir dejjem irid.
Il-fqir dejjem għandu bżonn min jgħinu.
Il-fqir dejjem ilħiħ.
Il-fqir dejjem għandu bżonn min jgħinu. Ilħiħ tfisser rgħib.
Il-bniedem m’għandux xaba’.
Ir-regħba tal-bniedem hija kbira.
Iċ-ċawl u l-għorab jiekol u ma jitma’.
Dawn l-għasafar jieklu u jiġbdu lejhom biss, bħal min hu xħiħ.
Ħadd ma jgħid li għandu żżejjed.
Aktar kemm ikollok, aktar tkun trid. Qatt mhu biżżejjed.
Għorb u ċawl ma jġibu ebda risq.
Min ir-regħba qiegħda ġo fih jinbidilx.
Għawdxi żokrati l-gremxul ħasbu kavati.
L-Għawdxin rgħiba ħafna. Kavati tfisser ftira.
Għal ħabba jqaxxar qamla.
Min jitqammel jaqa’ fl-esaġerazzjoni.
Għal ħabba bżar tilef il-borma.
Meta tkun rgħib tirriskja li titlef aktar milli takkwista.
Għajnejh ikbar minn żaqqu.
Il-gula tagħmel bih li jitfa’ fil-platt iżjed milli jiflaħ jiekol.
Dejjem juri l-qoħta għad li għandu l-ġid.
Min hu rgħib dejjem jagħmel taparsi m’għandux biex jgħix, minkejja li jkollu l-ġid. Il-qoħta tfisser skarsezza.
Ċawl u għorab, af illi jiekol, ma jitmax.
Min hu xħiħ jieħu dejjem u ma jagħti qatt.
Bieqjet ir-rgħib dejjem imbidda / vojta.
Qatt ma tieħu xejn mingħand min hu rgħib.
Aktar ma tħaddan, inqas tagħfas.
Aktar ma tkun trid affarijiet f’daqqa u dak il-ħin, inqas ikollok saħħa ġġorrhom u inqas tgawdi.
Aktar m’għandek, aktar trid.
Il-bniedem qatt mhu kuntent, dejjem irid iżjed.