Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta' ħaddieħor.
Min irid jinqeda jmur hu.
Is-self joħroġ jidħaq u jidħol jibki.
L-affarijiet tiegħek tieħu ħsiebhom, iżda meta tislifhom lil ħaddieħor kun af li mhux ser jieħu ħsiebhom bl-istess mod.
Jekk ma titlobx ma taqlax.
Toqgħodx lura milli titlob dak li teħtieġ.
Biex tneħħi l-għanqbut, oqtol il-brimba.
Jekk trid li xi ħaġa tinbidel, ara x'qed joħloqha u eqirdu.
Min isemmnek joqtlok.
Min joqgħod ifaħħrek u jżiegħel bik ikun jew qed jistenna xi ħaġa mingħandek, jew jispiċċa jittradik wara li jużak.
La toqgħodx fuq l-għatba u lanqas fuq is-senduq għax minn hemm bla ħsieb iqajmuk.
Jeħtieġ tibża' għall-affarijiet ta' ħaddieħor ukoll.
Fid-dinja ma trid taħlef għal ħadd.
M'għandekx tafda għax kulħadd kapaċi jiżbalja.
Ma tistax toħroġ id-demm mill-blat.
Dak li mhux possibbli taħsibx fih.
Meta r-ras iż-żgħira tkun fil-glorja, ir-ras il-kbira titlef il-memorja.
Il-ġibda sesswali fil-bniedem tant hi qawwija li ma jibqax jirraġuna meta tiġi l-okkażjoni li jkollu x'jaqsam. Ir-ras iż-żgħira tirreferi għall-parti sesswali tar-raġel.
Il-ftit tajjeb u jgħallem bħall-wisq.
Jekk il-ftit li tieħu jkun tajjeb, mela xorta tkun moqdi.
Dak li għandek tagħmel aħseb għalih kmieni.
Jekk għandek xi ħaġa x'tagħmel agħmilha minnufih.
Kull qoffa ssib il-miżbla tagħha.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Min imur bil-mod jasal kmieni.
Min jagħmel l-affarijiet bil-galbu u bil-qies ma jdumx ma jasal fejn jixtieq; min jipprova jgħaġġel, jieħu l-iżbalji u jaħli iżjed ħin.
Fittex li tboss mingħajr ma tagħmel ħoss.
Dak li għandek tagħmel agħmlu b'mod diskret.
Darba jingidem il-bniedem.
Tħalli lil ħadd iqarraq bik aktar minn darba. Tafdax.
Ħaġa li ma jaqbilx tagħmilha jaqbel tħalliha.
Agħraf liema opportunitajiet jaqbillek tieħu u l-bqija ħallihom għaddejjin.
Iftaħ biebek u ftaħar jew agħlqu u nsatar.
Jekk se tiftaħar ara li jkollok biex, għax taqa' għaċ-ċajt.
Is-self wisq drabi jinbidel f’telf.
Meta tislef oġġett jew il-flus lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhomlok lura malajr jew fl-istess stat tajjeb li tkun slifthulhom int.
Għal min mhux mistieden m’hemmx siġġu għalih.
Min ma jridekx mhux se jilqgħek.
Mhux kull min jiġri jiġi l-ewwel.
Bħal f'xi kompetizzjoni, fil-ħajja tista' tipprova iżda mhux dejjem tirnexxi.
Jew iddoqq jew tiżfen.
Ma tistax tleħħaq ma' kollox f'salt.