Min jagħmel xogħlu bil-mod u bir-reqqa, jagħmlu aħjar minn min jipprova jgħaġġel biex jeħles.
Min jittiekel għal ħwejjeġ il-ħaj, il-ħela għalih ġej.
Kulħadd iridha dik iċ-ċajta kultant.
Ċajta ta' kultant tagħmillek il-ġid.
Dak li jagħmilhielek darba jagħmilhielek mitt darba.
Min diġà tak prova li ma tistax tafdah tkunx iblah u terġa' tafdah.
Il-bżonn iġiegħlek tagħmel kollox.
Meta jkollok bżonn xi ħaġa ma taħsibhiex darbtejn, taqbad u tagħmilha.
Il-magħmul tqisu tista’ imma le ssewwih.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta għax ma tistax treġġa' kollox lura.
Jew iddoqq jew tiżfen.
Ma tistax tleħħaq ma' kollox f'salt.
Il-ħaġa tkun taf kemm tiswa meta tiġi bżonnha.
Taqbadx u teħles minn xi ħaġa, għax għad jasal il-mument li tiġi bżonnha.
Iż-żejjed ħu n-nieqes.
Uża l-moderazzjoni f'dak kollu li tagħmel.
Meta jtir l-għasfur, imbagħad kollox għalxejn.
Ħu l-opportunità li ġietek, qabel ikun tard wisq.
L-aħjar triq tan-nofs.
M'hemmx isbaħ mill-moderazzjoni.
Billi tidħaq jew tinkwieta lanqas tixtri b’ħabba ftieta.
Għandek dejjem tuża s-sens komun fil-ħajja.
It-Tork jgħid min iġarrab jagħraf, aħseb u ara xi jgħid in-Nisrani.
It-tiġrib tal-ħajja huwa l-akbar sors ta' tagħlim.
Min jislef jitlef.
Meta tislef oġġett jew il-flus lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhomlok lura malajr jew fl-istess stat tajjeb li tkun slifthulhom int.
Il-beċċun jolqot il-ħabba.
Kulħadd jaf xi jrid, u jagħmel minn kollox biex jiksbu. Il-ħabba hija biċċa ikel.
Meta jaqbel qabbel.
Aħtaf kull okkażjoni tajba li tiġik biex tmur minn fuq.
Drabi l-qalb taħber.
F'ċerti ċirkostanzi, faċli tobsor xi jkun se jiġri.
Aħseb dejjem x’jiġri wara għax ta’ wara ma ġġibux ‘il quddiem.
Żomm f'moħħok il-konsegwenzi ta' azzjonitek qabel tagħmel xi ħaġa.
Lil min iddarrih irabbi l-ġust.
Jekk xi ħadd jidra jagħmel jew jirċievi xi ħaġa, jibda jaħseb li għandu dritt għaliha.
Min jittiekel għal ħwejjeġ niesu, b’rasu jdur.
Min jittama f'ħaddieħor u jserraħ fuqu jiżbalja; tiddependi fuq ħadd.
Il-fuħħara li ġġelġel hija mxiegħra.
Trid taċċetta li tagħmel x'tagħmel ser issir il-ħsara. Fuħħara tfisser reċipjent tal-fuħħar u mxiegħra tfisser li tkun ixxaqqet.
Biex tolqot ħu l-mira tajjeb.
Trid taħsibha sew qabel ma tgħid jew tagħmel xi ħaġa.