Ma tistax tgħallem lil min għandu iżjed esperjenza minnek f'xi ħaġa.
La ħablet jeħtiġilha tiled.
Kulma tagħmel għandu l-konsegwenzi tiegħu.
Imżaqq tajjeb isemmen.
L-ikel (= imżaqq) tajjeb iħaxxen.
Min isemmnek joqtlok.
Min joqgħod ifaħħrek u jżiegħel bik ikun jew qed jistenna xi ħaġa mingħandek, jew jispiċċa jittradik wara li jużak.
Il-lest lest.
Li tkun lestejt m'għandekx iżjed ħsiebu.
Il-beċċun jolqot il-ħabba.
Kulħadd jaf xi jrid, u jagħmel minn kollox biex jiksbu. Il-ħabba hija biċċa ikel.
Ħajt imżaqqaq għaddi bgħid minnu.
In-nies ta' reputazzjoni ħażina m'għandekx xi tridhom, għax huma perikolużi daqs ħajt li ser jaqa'.
Is-self ħu t-telf.
Meta tislef oġġett jew il-flus lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhomlok lura malajr jew fl-istess stat tajjeb li tkun slifthulhom int.
Drabi l-qalb taħber.
F'ċerti ċirkostanzi, faċli tobsor xi jkun se jiġri.
Biex tolqot ħu l-mira tajjeb.
Trid taħsibha sew qabel ma tgħid jew tagħmel xi ħaġa.
L-għajn trid sehemha.
Importanti li tattira l-attenzjoni tan-nies fuq xi ħaġa billi tagħmilha attraenti.
Kieku u kien qatt ma nstabu flimkien.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta fuq dak li seta' kien.
La tiddinx qabel ma tarah jisbaħ.
Qabel ma tħalli l-ħsibijiet tiegħek jiġru bik, qis il-fatti kollha u stenna sal-aħħar.
Kulħadd irid il-ħniena u l-Ħniena fit-triq tar-Rabat.
Ħadd ma jħenn għalik fid-dinja. Il-Kappella tal-Ħniena tinsab fit-triq tar-Rabat, Għawdex.
Il-lejl għal-lpup.
Toħroġx tiġri barra billejl, evita l-periklu. Lpup huwa l-plural ta' lupu.
Il-ġifa qatt ma wera għaqal.
Min jibża' m'għandux għaqal.
La tħallix il-qattus għassa mal-ħut.
Tafdax lil min taf li ma tistax toqgħod fuqu.
Il-lejl għandu wliedu suwed.
Isiru ħafna affarijiet ħżiena billejl, mela oqgħod attent(a).
Meta jmissek likkem.
Aħtaf kull okkażjoni tajba li tiġik. Likkem jiġifieri iġbed.
Dak li jidħol fil-wiżna ma jidħolx fil-qantar.
L-affarijiet iż-żgħar ma jagħmlux differenza meta jitqiesu fil-kuntest tal-affarijiet il-kbar.
Il-fuħħara li ġġelġel hija mxiegħra.
Trid taċċetta li tagħmel x'tagħmel ser issir il-ħsara. Fuħħara tfisser reċipjent tal-fuħħar u mxiegħra tfisser li tkun ixxaqqet.