L-affarijiet agħmilhom bil-galbu waħda wara l-oħra, b'mod ordnat.
Min jimxi bil-qajla jasal kmieni.
Min jiddawwar ma jilħaqx.
Min jasal tard ikollu joqgħod għal dik li jsib, m'għandux għażla.
Aħjar ħarba minn karba.
Aħjar tevita l-periklu milli jkollok tbati l-konsegwenzi tiegħu wara.
Kull ilma jaqta’ l-għatx.
F'sitwazzjoni fejn m'għandekx għażla, kollox jgħin.
Min iwiegħed fid-dejn jitqiegħed.
Meta twiegħed xi ħaġa lil xi ħadd, ikollok iżżomm dik il-wegħda u tintrabat biha (= tkun fid-dejn).
Il-ftira sħuna tajba.
Agħmel li għandek tagħmel mill-ewwel u taħlix żmien.
Jekk trid il-ħaġa ssir mur int, u jekk ma tridx ibgħat.
Trid tieħu inizjattiva inti biex l-affarijiet isiru, inkella qabbad lil xi ħadd kapaċi.
Meta jtir l-għasfur, imbagħad kollox għalxejn.
Ħu l-opportunità li ġietek, qabel ikun tard wisq.
Aħjini llum u oqtolni għada.
Apprezza dak li għandek illum għax għada ma tafx x'se jkollok.
Min għandu l-qamħ m’għandux xkejjer u min għandu l-ixkejjer m’għandux qamħ.
Fid-dinja dejjem jonqsok xi ħaġa.
Il-ftit ma jxebbax.
Bħal meta tiekol ftit u ma tixbax, hekk ukoll ċerti affarijiet jitolbu iżjed minn ftit sforz biex jirnexxu.
Ħaġa li ma jaqbilx tagħmilha jaqbel tħalliha.
Agħraf liema opportunitajiet jaqbillek tieħu u l-bqija ħallihom għaddejjin.
Kieku u kien qatt ma nstabu flimkien.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta fuq dak li seta' kien.
Min jittama fil-ħaj, la jkollu serva u lanqas raj.
Min jittama f'ħaddieħor u jserraħ fuqu jiżbalja; tiddependi fuq ħadd. Serva tfisser sens komun u raj tfisser volontà.
Min jgħix bit-tama jmut bil-piena.
Min jittama mingħajr ma jieħu azzjoni ma jasal imkien.
Imżaqq tajjeb isemmen.
L-ikel (= imżaqq) tajjeb iħaxxen.
Min jimxi bil-mod jasal kmieni.
Min jagħmel l-affarijiet bil-galbu u bil-qies ma jdumx ma jasal fejn jixtieq; min jipprova jgħaġġel, jieħu l-iżbalji u jaħli iżjed ħin.
Li ma joqtolx isemmen.
Kollox sew sakemm dak li tiekol ma jagħmillekx ħsara.
Fejn ma tafx tindaħalx.
Jekk ma tafx biżżejjed dwar is-suġġett jew is-sitwazzjoni mela tgħid xejn u tagħmel xejn.
Il-ħmar tiegħi u nirkeb wara.
Ara li dak li hu tiegħek tgawdih int, mhux tħalli lil ħaddieħor igawdih hu minflokok.
Fejn għajnejk, oħrajn għajrek.
Dak li trid inti wisq probabbli jridu ħaddieħor ukoll.