Bħal f'xi kompetizzjoni, fil-ħajja tista' tipprova iżda mhux dejjem tirnexxi.
Min jidħol bejn il-basla u qoxritha jibqa’ b’riħitha.
Iż-żejjed imbidded.
Uża l-moderazzjoni f'dak kollu li tagħmel. Imbidded tfisser imxerred.
Ix-xejn xejn.
Fid-dinja ħu pjaċir ukoll bl-affarijiet żgħar u tajbin li jiġrulek.
Aħjar uff inkella aħħ.
Aħjar tonfoħ bid-dwejjaq milli tokrob bl-uġigħ.
Min jittama fil-ħaj, jew bla sens jew bla raj.
Min jittama f'ħaddieħor u jserraħ fuqu jiżbalja; tiddependi fuq ħadd. Bla raj tfisser bla volontà.
Min jagħmel il-ħarrieġa bil-ħsieb, xi darba jagħmel xi ħaġa fuqha.
Kulħadd jagħmel li jagħmel bi skop f'moħħu. Ħarrieġa hija xkaffa tal-ġebel.
Aħjar timxi għan-niżla milli għat-telgħa.
Aħjar teħles ħafif milli tikkumplika l-affarijiet.
Aħseb dejjem x’jiġi wara.
Żomm f'moħħok il-konsegwenzi ta' azzjonitek qabel tagħmel xi ħaġa.
Il-munxar għana u l-qaduma ħala.
Kun effiċjenti, bħas-serrieq (= munxar) li huwa iżjed effiċjenti mill-mannara (= qaduma).
Min irid jinqeda jmur hu.
Min irid xi ħaġa jeħtieġ li jfittixha jew jagħmilha hu stess.
Il-ftit tajjeb u jgħallem bħall-wisq.
Jekk il-ftit li tieħu jkun tajjeb, mela xorta tkun moqdi.
La tħallix is-sħiħ għar-riħ.
Toqgħodx moħħok fl-irqaqat għax tispiċċa tinsa l-essenzjali.
Kull ħaġa għandha l-ħtieġa tagħha.
Kollox għandu l-użu tiegħu fil-mument it-tajjeb.
Min jagħmel b’bixkilla jagħmel b’qartalla.
Min kapaċi jagħmel xi ħaġa żgħira, kapaċi jagħmel xi ħaġa ikbar. Bixkilla hija qoffa, u qartalla hija qoffa kbira.
Iż-żejjed kollu żejjed.
Uża l-moderazzjoni f'dak kollu li tagħmel.
Kull soddieda ssib il-flixkun tagħha.
Għal kollox hemm is-soluzzjoni adatta. Soddieda hija tapp; oġġett li jsodd.
Il-qadim żomm miegħu.
Il-qadim irnexxielu jegħleb l-isfidi matul iż-żmien u allura ta' min joqgħod fuqu.
Aħseb ħafna, tkellem ftit, ikteb inqas.
Inqas ma taħseb, titkellem u tikteb, inqas hemm ċans li tagħmel żball.
Ċawla bajda ma dehret qatt.
Dak li ma jista' qatt iseħħ taħsibx fih.
Min jistedinha joqgħod għaliha.
Min jidħol għal xi ħaġa, ikollu ma jilmentax u jagħmilha bit-tajjeb u l-ħażin kollha tagħha.
Ara u erġa’ ara qabel ma taqbeż.
Aħsibha sew qabel tieħu deċiżjoni.