Biż-żmien kollox jispiċċa.
Min jistenna jithenna.
Dan mhu xejn, il-kbir għadu ġej.
Dak li għaddejjin minnu issa mhux gravi daqs dak li hemm jistenniena fil-futur.
Darbtejn insiru tfal.
Meta tixjieħ u titlef saħħtek tispiċċa tiddependi fuq ħaddieħor, bħat-tfal.
Iż-żmien ma jistenna lil ħadd.
Jeħtieġ li ż-żmien tużah tajjeb, għax ma jerġax jiġi lura.
L-għaġuża f’nofs ir-Randan tinqasam.
Skont l-għajdut folkloristiku, f’nofsinhar tat-tieni Ħamis tal-ġimgħa tar-Randan, l-ixjeħ mara tar-raħal (= l-għaġuża) kienet tintefa’ mill-kampnar tal-knisja għal isfel.
Bikja u maħta u kollox imur fis-saħta.
Ħajjet il-bniedem qasira ħafna u mimlija tbatija. Fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd imut u jintesa.
Is-snin bħall-aħwa, ma jixxibhux.
M'hemmx sena bħall-oħra, il-ħajja dejjem toffrilna l-ġdid.
Frotta misjura ruħha fi snienha.
Bħal frotta misjura li tkun waslet biex titħassar, il-ħajja tax-xiħ tkun waslet fl-aħħar.
Il-logħob għat-tfal u l-ħatar għax-xiħ.
Kull fażi tal-ħajja għandha tagħha, meta nkunu tfal narmu s-saħħa nilagħbu u meta nixjieħu mmajnaw. Ħatar huwa bastun.
Iż-żmien isajjar il-bajtar.
L-affarijiet jimmaturaw biż-żmien.
Insa l-warrani u aħseb f’li ġej.
Li ġara fil-passat tagħtix kasu iżjed, u aħseb fil-futur minflok.
Iż-żmien għama minn għajnu u trux minn widintu; daqqa hekk u oħra hekk.
Il-bidliet li ż-żmien iġibilna f'ħajjitna mhumiex dejjem faċli.
Bil-mod il-mod tasal.
Biż-żmien kollox jasal.
Ftakar fl-imgħoddi u aħseb f’li ġej.
Tgħallem mill-iżbalji li għamilt fil-passat biex ma terġax tagħmilhom fil-futur.
Alwett bil-gziez, xita bil-qliel.
Kollox għandu żmienu. L-alwett huwa tip ta' għasfur u joħroġ fit-temp milwiem.
Iż-żmien jagħti parir.
Biż-żmien tkun taf aħjar x'deċiżjoni għandek tieħu.
Iż-żmien lil ħadd ma jkellem u jgħaddi bla ma jsellem.
Lanqas biss nindunaw kemm itir iż-żmien.
Iż-żgħar jaħsbu li x-xjuħ boloh u x-xjuħ jafu li ż-żgħar boloh.
Iż-żgħażagħ jitqarrqu għax jaħsbu li l-anzjani boloh, iżda l-anzjani jafu biċ-ċert li ż-żgħażagħ boloh għax daqshom kienu xi darba.
M’hawn xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx.
Iż-żmien jgħaddi iżda ċ-ċiklu tad-dinja dejjem l-istess jibqa'.
Tikber u tinsa.
Iż-żmien inessina l-affarijiet koroh li jiġru fil-ħajja.
Iż-żmien li titlef ma terġax iġġibu.
Jeħtieġ li ż-żmien tużah tajjeb, għax ma jerġax jiġi lura.