Min jagħmel l-affarijiet bil-galbu u bil-qies ma jdumx ma jasal fejn jixtieq; min jipprova jgħaġġel, jieħu l-iżbalji u jaħli iżjed ħin.
Min jittiekel għal ħwejjeġ niesu, b’rasu jdur.
Kull qoffa ssib il-miżbla tagħha.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Bil-meħel kollox isir.
Bi ftit paċenzja kollox isir.
Is-siġra ma tagħmilx frott barra minn żmienha.
Fid-dinja kollox f'ħinu u f'waqtu, bħaċ-ċiklu tan-natura.
Kulħadd għandu mnieħer biex ixomm.
Ħadd mhu iblah, kulħadd jaf x'għandu jagħmel.
Min jitma fit-tama, it-tama tqarraq bih; jagħmel ir-riħ fil-bomblu u jaħseb li se jsiefer bih.
Min jittama u jgħix fil-fantażija bla ma jieħu azzjoni għad jiddispjaċih maż-żmien.
Bużobba b’li kellu ddobba.
Tiddobba b'dak li jkollok, m'hemmx mod ieħor.
Lil min tisilfu titilfu, lil min tagħtih iddarrih.
Meta tislef jew tagħti xi ħaġa lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhielek lura.
Min jaqta’ bla ma jqis, minn pezza drapp ma joħroġx qmis.
Mingħajr ma tippjana sew biċċa xogħol, l-affarijiet ma jirnexxux.
Dak li għandek tirhan bigħu.
Jekk għandek xi ħaġa x'tagħmel agħmilha minnufih.
Min bdielu xejn ma swielu.
Min qagħad joqgħod jittratieni m'għamel xejn.
Aħjar ftit minn xejn.
Aħjar tikkuntenta bi ftit.
Kull żmien żmienu.
Jeħtieġ li tadatta għal kull sitwazzjoni u ċirkostanza.
Il-ħaġa tkun taf kemm tiswa meta tiġi bżonnha.
Taqbadx u teħles minn xi ħaġa, għax għad jasal il-mument li tiġi bżonnha.
Il-borma tal-ġar tfuħ aktar minn tad-dar.
L-affarijiet ta’ ħaddieħor dejjem se jidhru aħjar minn tiegħek.
It-tiġrija sal-barkun biex tintrebaħ.
M'għandek qatt tagħmilha fatta li rbaħt jew li xi ħaġa saret tiegħek, stenna sal-aħħar biex tevita d-diżappunt.
Mal-ħaġra t-tajn.
Taħlix ħin u eħles dak kollu li tista' teħles f'daqqa.
Aħjini llum u oqtolni għada.
Apprezza dak li għandek illum għax għada ma tafx x'se jkollok.
Jekk jaqbel qabbillu.
Uża moħħok biex dejjem tasal għad-deċiżjoni t-tajba.
Kull regola għandha l-eċċezzjoni tagħha.
Qatt ma hemm xejn assolut.
Kieku u kien qatt ma nstabu flimkien.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta fuq dak li seta' kien.