Matul il-ġurnata ma jaħdimx imbagħad ipattilu billi jaħdem billejl.
Min irid il-lillu jishar.
Mid-dar ma jiġix qamħ.
Min hu għażżien u joqgħod id-dar ma jagħmel xejn minflok jaħdem, ma jaqlax flus.
Kollox sewwa sakemm il-ħobż ikun id-dar.
Sakemm għandek xogħol li qed iqallgħek x'tiekol, m'hemmx problema.
L-idejn imgħaref tal-fidda, xħin taħsilhom jiġu ġodda.
L-idejn huma għodda importanti għax-xogħol tal-idejn, u m'għandekx tiddejjaq tħammiġhom biex taħdem.
Fost l-ixirka min jaħdem u min għażżien.
Hemm min jaħdem u hemm min ma jrid jagħmel xejn.
Ix-xogħol tar-ras iebes.
Ix-xogħol mentali huwa itqal mix-xogħol manwali.
Ħiss il-miss ġejt, ħiss il-miss mur.
Agħmel xogħlok bil-galbu u l-affarijiet imorru sew.
Id-driegħ għall-ħidma u r-ras għall-misra.
Il-ġisem qiegħed għax-xogħol fiżiku u l-moħħ qiegħed għax-xogħol mentali. Misra tfisser ippjanar.
Inkella r-roqba, inkella l-ħobża.
Fil-passat ċerti xogħlijiet kienu riskjużi, bħal pereżempju xogħol il-baħħara, imma xorta kellu jsir biex taqla' x'tiekol u tgħajjex lill-familja. Ir-roqba tfisser l-għonq.
Għajnejn sidha jimlewlha żaqqha l-baqra.
Kulħadd iqis li xogħlu jiswa ħafna flus.
Ħmar qammas jikser sinslet id-dahar.
L-injorant ma jagħmilx xogħol tajjeb.
Kull mibdi mitmum.
Biex tispiċċa biċċa xogħol trid tibdieha.
Min jaf inajjar jaf isajjar.
Biex tagħmel biċċa xogħol sew, trid tkun taf l-elementi bażiċi. Inajjar tfisser jieħu ħsieb in-nar.
Bewla bla bassa, kastell bla għassa.
Kull aspett minn biċċa xogħol għandu jsir tajjeb.
Ħidma u sabar sal-qabar.
Irridu naħdmu u nieħdu paċenzja sa mewtna.
Il-qawwa sa ma tibda.
Qabel tibda biċċa xogħol issibha bi tqila, iżda malli tibda tiġi l-enerġija biex tkompli.
Il-bokra ssewwi ż-żokra.
Min ibakkar (iqum kmieni) ileħħaq jagħmel ħafna matul il-ġurnata.
Kisra tal-art ħelwa u tal-baħar morra.
Ix-xogħol ta' fuq il-baħar huwa ferm iżjed diffiċli mix-xogħol fuq l-art. Kisra tirreferi għal kisra ħobż.
Kull mibdi mitmum.
Biex tispiċċa biċċa xogħol trid tibdieha.
Għejien ix-xogħol huwa s-sabar.
Biex ix-xogħol isir sew, irid isir bil-paċenzja. Għejien tfisser assistent.
Ħidma ta’ sena marret f’siegħa.
Qawl dwar il-logħob tan-nar iżda li japplika wkoll b'mod ġenerali: tkun ilek sena taħdem qatigħ fuq xi ħaġa biex fl-aħħar mill-aħħar tgawdiha għal ftit ħin biss.