Min jaħdem u jistinka dejjem jasal fejn irid.
Kollox sewwa sakemm il-ħobż ikun id-dar.
Ix-xogħol u s-sahar huma missier u omm il-ġid.
Irridu naħdmu u nishru biex nirnexxu u nkunu kuntenti.
Bis-swat u biż-żmien jitbiżżel l-għażżien.
Bit-tbatija li jġib fuqu nnifsu, l-għażżien ikollu jitgħallem ikun bieżel ukoll.
It-tiben tagħna fl-aħħar xriek.
Meta tkun qed toqrob lejn l-aħħar ta' biċċa xogħol twila u tqila, l-enerġija tkun batuta ferm.
Kisra tal-art ħelwa u tal-baħar morra.
Ix-xogħol ta' fuq il-baħar huwa ferm iżjed diffiċli mix-xogħol fuq l-art. Kisra tirreferi għal kisra ħobż.
Aħjar tishar milli tbakkar.
Dak li għandek tagħmel agħmlu llum, mhux għada.
Fost l-ixirka min jaħdem u min għażżien.
Hemm min jaħdem u hemm min ma jrid jagħmel xejn.
Baħri u burdnar qatt ma ssibu kuntent.
Il-baħrin u l-burdnara kellhom xogħol diffiċli ħafna.
L-għodda iġborha u għoddha.
L-għodda tiegħek ħu ħsiebha sew.
Aħjar waħda maħruqa minn tnejn nejja.
Aħjar tagħmel biċċa xogħol mhux perfetta milli ma tagħmel xejn.
Jiekol bir-riħa u jħallas biċ-ċekċik.
Min ix-xogħol ma jagħmlux sew, ma jaqlax flus.
Ħidma għal Alla ma titħallasx.
Azzjoni tajba kif irid Alla ma tistax titħallas bi flus materjali.
Ħobż il-fqir gerbubi u trid tiġri biex tilħqu.
Min ma jaqlax biżżejjed flus diffiċli jgħajjex il-familja. Gerbubi tfisser tond.
Id-denb dejjem iniggeż.
L-aħħar naqra ta' biċċa xogħol dejjem tidher twila u diffiċli.
Jekk jgħaddas rasu l-imgħallem, jerfa’ rasu l-lavrant.
Jekk l-imgħallem ma jagħtix kas, ma jkunx hemm dixxiplina fuq ix-xogħol.
Il-ħmar ħaddmu għal rasu biex tkun taf x’jagħmel.
Tara bniedem kemm hu kapaċi meta tħallih jagħmel biċċa xogħol waħdu.
Ma jafx isajjar min ma jafx inajjar.
Biex tagħmel biċċa xogħol sew, trid tkun taf l-elementi bażiċi. Inajjar tfisser jieħu ħsieb in-nar.
Id-driegħ għall-ħidma u r-ras għall-misra.
Il-ġisem qiegħed għax-xogħol fiżiku u l-moħħ qiegħed għax-xogħol mentali. Misra tfisser ippjanar.
Jiekol bir-riħa u jħallas biċ-ċekċik.
Min ix-xogħol ma jagħmlux sew, ma jaqlax flus.
Kulħadd irid jgħix fid-dinja.
Kulħadd għandu bżonn jaħdem biex jaqla' x'jiekol fid-dinja.
Bil-ftit tal-għira kollox jieħu x-xejra.
Biex tagħmel biċċa xogħol tajba trid tagħmel moħħok hemm.