Jekk tħaddem għażżien, tħallsu wisq għall-ftit xogħol li jagħmel.
Min iħabrek jaqlagħha.
Għal kull għadma hawn mitt kelb.
Il-kompetizzjoni għax-xogħol hija qalila.
Kisra tal-art ħelwa u tal-baħar morra.
Ix-xogħol ta' fuq il-baħar huwa ferm iżjed diffiċli mix-xogħol fuq l-art. Kisra tirreferi għal kisra ħobż.
Is-sħana tax-xemx ma tgħallix patata.
Il-flus trid tbati u taħdem għalihom, bil-ftit ma jsir xejn.
Min jerfa’ l-qatta qatt ma għandu biex jitgħatta.
Min jagħmel xogħol mhux imħallas tajjeb ma jgħixx komdu.
Tiġieġa li tfelles tajjeb għożżha.
Ibża' għat-tiġieġa li tfaqqas il-bajd, bl-istess mod li għandek tibża' għal min jaħdem u jistinka fin-negozju tiegħek.
Bewla bla bassa, torri bla għassa.
Kull aspett minn biċċa xogħol għandu jsir tajjeb.
Kulħadd għal senegħtu.
Kulħadd ikun jifhem l-aktar fix-xogħol li jagħmel.
Ħajja ta’ kul u ixrob, orqod u ttieraħ.
Min hu għażżien ma jagħmel xejn ħlief jiekol, jixrob u jorqod. Ittieraħ tfisser imtedd fuq is-sodda.
Il-mostra mhix ġostra.
Tgħallem apprezza x-xogħol ta' ħaddieħor, minflok tipprova tleħħaq miegħu.
Biex tgawdi jeħtieġ tbati.
Xejn ma tagħmel mingħajr tbatija.
Ħidma fil-btala tmur fis-siba u l-ħala.
Dari kienu jemmnu li Alla jikkastiga lil min jaħdem il-Ħdud u l-festi. Siba tfisser ħerba.
Min isuq wisq ħażin jogħtor il-ħmar.
Min f'xogħlu ma jurix impenn, ibati u ma jagħmlux sew.
Kull mibdi mitmum.
Biex tispiċċa biċċa xogħol trid tibdieha.
Is-siġra ma tagħmilx in-nwar jekk ma ssaqqihiex.
Trid taħdem qatigħ u tieħu interess biex ix-xogħol jirnexxi.
It-tbakkir jagħti s-saħħa.
Tħoss li jkollok iżjed enerġija meta tbakkar (tqum kmieni) għax-xogħol.
Ix-xogħol u s-sahar huma missier u omm il-ġid.
Irridu naħdmu u nishru biex nirnexxu u nkunu kuntenti.
L-imgħax itajjar in-ngħas.
Tagħmel iżjed kuraġġ fix-xogħol meta tara l-flus deħlin.
Bidu tajjeb nofs ix-xogħol.
Meta x-xogħol jibda bit-tajjeb l-affarijiet imorru sew u tgħaġġel iżjed.
Kulħadd irid jgħix fid-dinja.
Kulħadd għandu bżonn jaħdem biex jaqla' x'jiekol fid-dinja.
Min jidra l-qgħad, jidra l-għażż.
Mix kielu l-għażż u dara jgħix minn fuq dahar ħaddieħor, ma jkunx irid jaħdem u jbati.