Għax-xogħol li jirrikjedi ħafna ħin u logħob hemm bżonn tieħu paċenzja u tieħu ħsieb saħħtek.
Min jagħmel il-fuħħar iqiegħed widnejn il-borma fejn jidhirlu l-aħjar.
Binhar fuq il-bjut u billejl taħli ż-żjut.
Matul il-ġurnata ma jaħdimx imbagħad ipattilu billi jaħdem billejl.
Ifrex siegħa u orqod kwarta.
It-tbatija dejjem tkun akbar mit-tgawdija.
Min jidra bis-sisija, la jrid xogħol u lanqas tbatija.
Mix kielu l-għażż u dara jgħix minn fuq dahar ħaddieħor, ma jkunx irid jaħdem u jbati. Is-sisija hija l-karità.
Min jaħdem l-iżjed jiekol l-inqas.
L-għażżien jew min ma ħaqqux igawdi minn fuq dahar min jagħmel xogħlu sew.
Għejien ix-xogħol huwa s-sabar.
Biex ix-xogħol isir sew, irid isir bil-paċenzja. Għejien tfisser assistent.
Ix-xogħol tar-ras iebes.
Ix-xogħol mentali huwa itqal mix-xogħol manwali.
Ma tismax minni, ma tikolx ħobżi.
Jew tagħmel kif ngħidlek jiena, jew ma nqabbdekx tagħmel xogħol iżjed.
Min jgħid kontra s-sengħa ma jsirx mgħallem.
Min imaqdar xogħlu qatt ma jitgħallmu sew.
Inkella r-roqba, inkella l-ħobża.
Fil-passat ċerti xogħlijiet kienu riskjużi, bħal pereżempju xogħol il-baħħara, imma xorta kellu jsir biex taqla' x'tiekol u tgħajjex lill-familja. Ir-roqba tfisser l-għonq.
Kulħadd għal senegħtu.
Kulħadd ikun jifhem l-aktar fix-xogħol li jagħmel.
Bidu bil-għawġ tmiem ħażin.
Meta biċċa xogħol tibda ħażin kollox jibqa' sejjer ħażin.
La kiel il-laħma jeħtieġ imexmex l-għadma.
La intrigajt b'xi biċċa xogħol, agħmilha sew mill-bidu sal-aħħar.
Xogħol ta’ ħorrox borrox, imma l-istokk u ż-żebgħa jgħattu kollox.
Ix-xogħol ħażin hemm mezz kif jitranġa.
Min hu għajjur f’iklu, għajjur f’xogħlu.
Jekk trid tiekol tajjeb jeħtieġ li tmidd idejk u taħdem.
Kulħadd jaqra fi ktiebu.
Kulħadd f'xogħlu jifhem.
Ħmar qammas jikser sinslet id-dahar.
L-injorant ma jagħmilx xogħol tajjeb.
Ix-xemgħa tixgħel u l-purċissjoni wieqfa.
Hemm xi jsir iżda ħadd ma jrid jaħdem.
Bil-prattika biss li wieħed jieħu ħaġa sewwa.
Bil-prattika l-aħjar li titgħallem.
Imċappas bid-demm u laħam ma jikolx.
Tagħmel ix-xogħol inti u ġieli tispiċċa ma tgawdi xejn minnu.
Ix-xogħol salmura tal-ġisem.
Ix-xogħol fiżiku jsaħħaħ il-ġisem u jipprevjeni l-mard, bħas-salmura li tippreżerva l-ikel.