Ix-xogħol fiżiku jsaħħaħ il-ġisem u jipprevjeni l-mard, bħas-salmura li tippreżerva l-ikel.
Min irid il-bajd frisk, ikollu jbati t-tlaqliq tat-tiġieġ.
Min irid igawdi jeħtieġ l-ewwel ibati.
Biex tgawdi trid taħdem u tistinka.
Il-maħbeż meta tmissu jaqbeż.
Qis li tlesti x-xogħol li għandek bħalissa qabel ma tibda xogħol ieħor. Maħbeż huwa forn tal-ħobż.
Aħjar tirfes l-irfis ta’ newlek milli għadbiet il-muliel.
Dejjem aħjar taħdem għal rasek milli jkollok taħdem għan-nies.
Min għandu ħalqu jrid jiekol.
Kulħadd għandu bżonn isib xogħol biex jaħdem u jaqla' l-għajxien tiegħu.
Min jiekol il-laħma jeħtieġ imexmex l-għadma.
La intrigajt b'xi biċċa xogħol, agħmilha sew mill-bidu sal-aħħar.
Bastiment b’bosta kaptani jmur travers.
Meta jkun hemm ħafna nies involuti f'biċċa xogħol l-affarijiet ma jimxux sew.
Ċallas ballas kif taħdem titħallas.
Ix-xogħol li jsir ħażin ma ħaqqux jitħallas.
Għarbiel irqiq trid għalih il-ħobż u d-dqiq.
Għax-xogħol li jirrikjedi ħafna ħin u logħob hemm bżonn tieħu paċenzja u tieħu ħsieb saħħtek.
B’idek il-waħda agħġen u bl-oħra keċċi l-qattusa.
Meta tkun għaddej b'biċċa xogħol, ara li ma jkunx hemm min iħarbatlek kollox.
L-idejn imgħaref tal-fidda, xħin taħsilhom jiġu ġodda.
L-idejn huma għodda importanti għax-xogħol tal-idejn, u m'għandekx tiddejjaq tħammiġhom biex taħdem.
Min jerfa’ qofftu mhux pastaż.
Min jagħmel xogħlu u jieħu ħsieb l-affarijiet tiegħu m'għandux għalfejn iħossu skomdu jew jistħi. Fl-imgħoddi, il-pastaż kien reffiegħ li jdur mat-toroq jiffitta lin-nies biex għal ftit soldi jġorrilhom sad-dar il-qfief u tagħbijiet oħra. Il-pastaż kien bla manjieri,...
Kulħadd għal senegħtu.
Kulħadd ikun jifhem l-aktar fix-xogħol li jagħmel.
Biex tgawdi jeħtieġ tbati.
Xejn ma tagħmel mingħajr tbatija.
Il-qawwa sa ma tibda.
Qabel tibda biċċa xogħol issibha bi tqila, iżda malli tibda tiġi l-enerġija biex tkompli.
Kulħadd jaqra fi ktiebu.
Kulħadd f'xogħlu jifhem.
Min jirkeb jeħtieġlu jniegħel.
Min irid igawdi jeħtieġ li jagħmel ix-xogħol diffiċli jew antipatku wkoll biex jasal. Iniegħel tfisser ilibbes in-nagħla liż-żiemel.
Il-kotra tegħleb il-qawwa.
Meta nkunu magħqudin inkunu iżjed b’saħħitna u x-xogħol isir iżjed malajr.
Kollox sewwa sakemm il-ħobż ikun id-dar.
Sakemm għandek xogħol li qed iqallgħek x'tiekol, m'hemmx problema.
Dejjem tikber is-silla, iżda l-ħmar mhux dejjem jirgħa minnha.
Tagħmel ix-xogħol inti u ġieli tispiċċa ma tgawdi xejn minnu.
Bidu bil-għawġ tmiem ħażin.
Meta biċċa xogħol tibda ħażin kollox jibqa' sejjer ħażin.