Min ibakkar (iqum kmieni) ileħħaq jagħmel ħafna matul il-ġurnata.
Mingħajr armi għaliex toħroġ?
Ma tistax tagħmel xogħol tajjeb mingħajr l-għodda t-tajba, bħall-kaċċatur li bla senter ma jistax jikkaċċja.
Ix-xogħol jeqred il-fies u l-vizzju jeqred in-nies.
L-għodod tax-xogħol jinqerdu bl-użu, iżda l-vizzji jeqirdu l-bniedem. Fies huwa tip ta' għodda li taqta' l-ġebel.
Għal kull għadma hawn mitt kelb.
Il-kompetizzjoni għax-xogħol hija qalila.
Dak bħas-siġra tal-luq, la tiekol minnha u lanqas idduq.
Min ma jridx jaħdem xejn ma tieħu mingħandu.
L-ewwel il-pappa, imbagħad l-umpappa.
Ix-xogħol u l-istudju jiġu qabel kull divertiment. Il-pappa tirreferi għall-ikel fuq il-mejda u l-umpappa tirreferi għad-daqqa li niżfnu u niddevertu magħha.
Il-kotra tegħleb il-qawwa.
Meta nkunu magħqudin inkunu iżjed b’saħħitna u x-xogħol isir iżjed malajr.
Ma tismax minni, ma tikolx ħobżi.
Jew tagħmel kif ngħidlek jiena, jew ma nqabbdekx tagħmel xogħol iżjed.
L-ewwel terz inbid dejjem qares itiegħem.
Meta tibda biċċa xogħol, l-ewwel ftit dejjem jinħass diffiċli sakemm tikkarga.
Kulħadd xogħlu jogħġbu.
Kulħadd jara tiegħu tajjeb u ta' ħaddieħor ħażin, anke fix-xogħol.
Fost l-ixirka min jaħdem u min għażżien.
Hemm min jaħdem u hemm min ma jrid jagħmel xejn.
Aħjar waħda maħruqa minn tnejn nejja.
Aħjar tagħmel biċċa xogħol mhux perfetta milli ma tagħmel xejn.
Għum fejn jilħaqlek.
Tiddeffisx għal biċċa xogħol jekk taf li m'intix kapaċi għaliha.
Jiekol bir-riħa u jħallas biċ-ċekċik.
Min ix-xogħol ma jagħmlux sew, ma jaqlax flus.
Min għandu ħalqu jrid jiekol.
Kulħadd għandu bżonn isib xogħol biex jaħdem u jaqla' l-għajxien tiegħu.
L-ewwel terz għali.
Meta tibda biċċa xogħol, l-ewwel ftit dejjem jinħass diffiċli sakemm tikkarga.
Ħidma fil-btala tmur fis-siba u l-ħala.
Dari kienu jemmnu li Alla jikkastiga lil min jaħdem il-Ħdud u l-festi. Siba tfisser ħerba.
Min isuq wisq ħażin jogħtor il-ħmar.
Min f'xogħlu ma jurix impenn, ibati u ma jagħmlux sew.
Baħri u burdnar qatt ma ssibu kuntent.
Il-baħrin u l-burdnara kellhom xogħol diffiċli ħafna.
Min iħabrek jaqlagħha.
Min jaħdem u jistinka jitħallas tajjeb ta' xogħlu.
Jekk ma taqsamx il-bħajjar ma tkunx tista’ tnajjar.
Kien jeħtieġ li l-baħrin imorru jaħdmu fuq il-baħar 'il bogħod minn familthom biex jaqilgħu x'jieklu. Bħajjar huma oċeani u tnajjar tfisser tkampa.