Tara bniedem kemm hu kapaċi meta tħallih jagħmel biċċa xogħol waħdu.
Min jibqa’ wara jsakkar il-bieb.
Kulħadd irid jiekol fid-dinja.
Kulħadd għandu bżonn jaħdem biex jaqla' x'jiekol fid-dinja.
Il-kotra tegħleb il-bokra.
Meta nkunu magħqudin inkunu iżjed b’saħħitna u x-xogħol isir iżjed malajr. Bokra ġejja minn bakkar, tqum kmieni.
Min jidra l-qgħad, jidra l-għażż.
Mix kielu l-għażż u dara jgħix minn fuq dahar ħaddieħor, ma jkunx irid jaħdem u jbati.
Ma tismax minni, ma tikolx ħobżi.
Jew tagħmel kif ngħidlek jiena, jew ma nqabbdekx tagħmel xogħol iżjed.
Fost l-ixirka min jaħdem u min għażżien.
Hemm min jaħdem u hemm min ma jrid jagħmel xejn.
Il-bokra ssewwi ż-żokra.
Min ibakkar (iqum kmieni) ileħħaq jagħmel ħafna matul il-ġurnata.
Għal melħa ma jħallix il-borma ħelwa.
Għal naqra, agħmel ix-xogħol sew.
Min jibża’ għal dahru, m’għandux xi jridu l-luħ.
L-għażżien għalxejn tafdah b'xi biċċa xogħol għax ma jagħmilhiex. Luħ huwa pala tal-injam.
Min jgħid kontra s-sengħa ma jsirx mgħallem.
Min imaqdar xogħlu qatt ma jitgħallmu sew.
Bewla bla bassa, kastell bla għassa.
Kull aspett minn biċċa xogħol għandu jsir tajjeb.
Bil-prattika biss li wieħed jieħu ħaġa sewwa.
Bil-prattika l-aħjar li titgħallem.
Issensel u trempel fl-aħħar il-qanpiena ċċempel.
Jeħtieġ li biċċa xogħol tibdieha biex ikollok tama li xi darba teħlisha.
Għal kull għadma hawn mitt kelb.
Il-kompetizzjoni għax-xogħol hija qalila.
Kulħadd jaqra fi ktiebu.
Kulħadd f'xogħlu jifhem.
Kollox sewwa sakemm il-ħobż ikun id-dar.
Sakemm għandek xogħol li qed iqallgħek x'tiekol, m'hemmx problema.
Ħobż u basal u strieħ xħin tasal.
Qabel kienu jieqfu minn biċċa xogħol meta jlestuha biss, u mhux qabel. Kienet ħajja diffiċli.
Il-ħalliel ma jneżżax għarwien.
Min m'għandux flus ma jistax jgħin lil min għandu.
Għum fejn jilħaqlek.
Tiddeffisx għal biċċa xogħol jekk taf li m'intix kapaċi għaliha.
Kulħadd xogħlu jogħġbu.
Kulħadd jara tiegħu tajjeb u ta' ħaddieħor ħażin, anke fix-xogħol.
Kulħadd għal senegħtu.
Kulħadd ikun jifhem l-aktar fix-xogħol li jagħmel.