Minkejja li ma' tal-familja mhux dejjem immorru tajjeb, xorta naqbżu għalihom ma' ħaddieħor. Semm huwa velenu.
Bħal min tisilfu, min iżżiegħel bih titilfu.
Ħadd ma joqgħod ma’ ħadd.
Kulħadd daru jfittex.
L-omm mhux talli twieled imma għal kull ħolqien tiġġieled.
L-omm tbati mhux biss biex iġġib it-tfal fid-dinja, iżda wkoll biex trabbihom u saħansitra meta jsiru adulti.
Aħjar tifel il-ħabs minn tifla soru.
Dari ma kinux jistgħu joħorġu minn soru. Tifel li jmur il-ħabs xi darba joħroġ, iżda tifla qatt ma terġa' lura.
Biex l-imdanna toqgħod mal-kenna d-dar trid tkun ġenna.
Il-kunjata (l-imdanna) u l-kenna (mart binha) ma jinħamlux.
La titlef ir-raġel ikollok tbakkar u tagħġen.
In-nisa romol kienu jbati ħafna fl-antik biex irabbu familja.
Id-dar il-kbira aħjar mill-għalqa kbira.
Il-valur ta' dar ogħla mill-valur ta' għalqa.
F’dar il-għażżien kollox jibki.
Min hu għażżien ikollu l-ħmieġ u d-diżorganizzazzjoni f'daru.
Il-barrani jaħlik imma l-ġewwieni jisbik.
Il-barranin jeħdulek saħħtek imma tal-familja jeħduhielek ħafna iżjed għax tħossok obbligat. Jisbik tfisser iġibek skjav.
Aħjar imreddgħa Qormija minn waħda Żebbuġija.
Storikament il-kolera kienet laqtet lil Ħaż-Żebbuġ agħar minn Ħal Qormi, u allura l-imreddgħa (mara li kienet tredda' lit-tarbija minflok l-omm) minn Ħal Qormi kienu iżjed mixtieqa.
Il-fsied iħassar l-ulied.
Il-fsied ma jagħmilx ġid għall-iżvilupp tal-karattru tat-tfal.
Ħadd ma jara isbaħ minn uliedu.
Il-ġenituri dejjem jaħsbu li wliedhom huma aħjar minn ta' ħaddieħor.
Jekk it-tfal tagħtihom il-lala, jitilgħu fuq rasek.
It-tfal jagħmlu li jridu bik jekk ma żżommilhomx ir-riedni.
Midd friexek u orqom darek, mhux jiġi jżurek minn qatt ma żarek.
Qis li jkollok l-ordni f'darek u żżommha nadifa, biex min jiġi jżurek għal għarrieda ma jitkażax bik.
Min għandu l-ulied għandu l-hemm bil-wied.
Min ikollu t-tfal ikollu ħafna inkwiet.
Il-qgħad id-dar ma fihx għar.
Mara tad-dar m'għandhiex għalfejn tistħi għax li tagħmel xorta xogħol. Għar tfisser mistħija jew għajb.
L-omm il-madmad tal-ulied.
Hija l-omm li tidderieġi lil uliedha.
Il-kokka lil uliedha tara l-isbaħ.
Il-ġenituri dejjem jaraw lil uliedhom bħala aħjar u isbaħ minn ulied ħaddieħor.
Ma’ min qiegħed tgħix, la tgħabbihx.
Tqarraqx b'dawk li tkun tgħix magħhom.
F’dar il-għażżien kollox jibki.
Min hu għażżien ikollu l-ħmieġ u d-diżorganizzazzjoni f'daru.
Il-muluda stabret u l-qabla ħterqet.
Kollox ta' taħt fuq, bħall-omm li qed tiled (= il-muluda) li minflok tgħajjat bl-uġigħ tikkalma u l-qabla (= il-majjistra) li minflok iżżomm il-kalma taqbad tistressja (= ħterqet).