It-tfal iż-żgħar uġigħ ta’ ras; it-tfal il-kbar uġigħ il-qalb.Meta t-tfal ikunu żgħar iweġġgħulek rasek bl-għajat, iżda meta jikbru jweġġgħulek qalbek b'azzjonithom.
Ifrex soddtok u orqom darek, għax jiġi jżurek min qatt ma żarek.Tajjeb li dejjem ikollok l-indafa fid-dar, forsi jiġi xi ħadd mhux mistenni li jkollok tilqgħu.
Dar il-għażżien tistgħalla l-brimba.Min hu għażżien u ma jnaddafx ikollu l-ħmieġ fid-dar. Tistgħalla jiġifieri tgawdi.
Min jitlef lil ommu jirbaħ l-għera, min jitlef lil missieru jirbaħ il-ġuħ.Dari kienu jbatu d-dar u t-tfal meta tmut l-omm, u kienu jbati fil-flus meta jmut il-missier.
L-ulied huma biċċa mill-qalb.L-ulied dejjem jibqgħu f'qalb il-ġenituri tagħhom, anke meta joħorġu mid-dar.