Kollox ta' taħt fuq, bħall-omm li qed tiled (= il-muluda) li minflok tgħajjat bl-uġigħ tikkalma u l-qabla (= il-majjistra) li minflok iżżomm il-kalma taqbad tistressja (= ħterqet).
Il-musrana barranija fiż-żaqq tidħol milwija.
Id-dar kollox jixtamba, sal-irmied tal-kenur.
M'għandekx tarmi bl-addoċċ għax forsi tiġi bżonnu fil-futur. Jixtamba tfisser li huwa bżonjuż.
Biex trabbi tajjeb ibża’ dejjem.
Fit-trobbija tat-tfal trid tkun moħħok hemm sabiex jitilgħu sew.
L-omm il-madmad tal-ulied.
Hija l-omm li tidderieġi lil uliedha.
Ibża’ min-naħal u mit-tfal tar-raħal.
It-tfal ma jafux x'inhu periklu u malajr jinkwetawk għax iweġġgħu.
Fuq il-binnija jidden is-serduq.
Il-kumdità u s-serħan ta' darek ma ssibhom imkien iżjed. Il-binnija hija bejta tat-tiġieġa.
Il-ħela u x-xorb ifaqqru d-dar.
Min jaħli u jonfoq il-flus fix-xorb ikun qiegħed ipoġġi l-familja f'qagħda skomda.
It-tfal tħalltek ma’ min ma tixtieqx.
M'għandekx kontroll fuq min jiżżewġu wliedek - jaf ikollok titħallat ma' familja li ma ddoqqlokx.
Il-qgħad id-dar ma fihx għar.
Mara tad-dar m'għandhiex għalfejn tistħi għax li tagħmel xorta xogħol. Għar tfisser mistħija jew għajb.
It-tfal iż-żgħar uġigħ ta’ ras; it-tfal il-kbar uġigħ il-qalb.
Meta t-tfal ikunu żgħar iweġġgħulek rasek bl-għajat, iżda meta jikbru jweġġgħulek qalbek b'azzjonithom.
Il-kokka lil uliedha tara l-isbaħ.
Il-ġenituri dejjem jaraw lil uliedhom bħala aħjar u isbaħ minn ulied ħaddieħor.
Lil uliedek ħobbhom iżda turihomx.
Dari kienu jemmnu li jekk turi lit-tfal li tħobbhom, jagħmlu li jridu bik.
It-tfal jikxfu l-għawar.
It-tfal wisq innoċenti u jikxfu ħafna sigrieti.
Kull dar fiha l-imrar.
F'kull familja ssib il-problemi.
Il-borma taqlibha għal fommha, il-bint tixbah lil ommha.
L-omm għandha influwenza kbira fuq il-iżvilupp tal-karattru ta' bintha.
Bl-ulied kollha jaqilgħu xi sold, il-missier jista’ jibni fil-fond.
Il-paga tal-ulied isservi wkoll għall-familji li jbatu finanzjarjament.
Fiċ-ċokon ajma rasi u fil-kobor ajma qalbi.
It-tfal iweġġgħulek rasek meta jkunu żgħar u jweġġgħulek qalbek meta jkunu kbar.
Il-karba tal-ħlas iġġiblek in-ngħas.
L-uġigħ tal-ħlas tant huwa kbir, li l-karba tal-omm tħossha ġo qalbek.
Il-familja dejjem trid.
Biex trabbi familja spejjeż kbar.
Id-dar il-kbira aħjar mill-għalqa kbira.
Il-valur ta' dar ogħla mill-valur ta' għalqa.
Li l-imdanna tħobb il-kenna, kien l-infern jinbidel f’ġenna.
Il-kunjata (l-imdanna) u l-kenna (mart binha) ma jinħamlux.