Meta żżomm ġo fik, fl-aħħar tispiċċa biex tinfaqa'.
Għam il-baħar kollu u għereq fir-ramla.
Qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Lil min jaħralek f’idek tiddejjaqx iċċappashulu ma’ wiċċu.
Qis li tiddefendi lilek innifsek kontra min jipprova jagħmillek il-ħsara.
Min hu xxurtjat jixħitha għal rasha u tiġih fuq saqajha.
Min huwa xortih tajba jagħmel x'jagħmel tiġih tajba.
Min igerger minn salibu jiġih wieħed agħar.
Min jilmenta mill-ħażin li għandu f'ħajtu jagħmel ħażin, għax dejjem tista' tkun agħar.
Jekk mhux b’xi salib, b’domna.
Kulħadd għandu l-problemi tiegħu xi jsolvi.
Ix-xemx ma titgħattiex bl-għarbiel.
Meta jsir xi ħażin kbir, diffiċli ħafna tgħattih.
Id-dinja dejjem miexja, daqqa dritt u daqqa mgħawweġ.
Bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha, il-ħajja tibqa' għaddejja.
Il-ħmira żejda tħassar l-għaġina.
Iż-żejjed ma jagħmilx ġid.
Lil min tniggżu jgħid “ajma”.
Meta tagħmel azzjoni ħażina lil xi ħadd, stenna reazzjoni mingħandu.
Id-dinja raddiena, daqqa minn fuq int u daqqa minn fuq jiena.
Mhux dejjem inkunu xortina tajba, iżda mhux dejjem inkunu xortina ħażina.
Ebda warda bla xewk.
Is-sabiħ jiġi mal-ikrah fil-ħajja.
F’waqtha raqqagħha jekk ma tridx terġa’ taqtagħha.
Jekk saret xi ħsara pprova sewwiha mill-ewwel biex ma tkomplix tikber.
Din id-dinja għall-imxuma.
Fid-dinja trid taċċetta li hawn ħafna ħażin u dwejjaq. Imxuma tfisser dwejjaq.
Kulħadd b’xi għilla, min bis-sabar u min bil-qilla.
Kulħadd għandu t-taqbida tiegħu fil-ħajja, hemm min jieħu paċenzja u hemm min jirrabja. Għilla tfisser mard.
Id-dinja gaġġa tal-imġienen.
Fid-dinja l-loġika mhix ħaġa ovvja.
Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien.
Aktar kemm tkun f'sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Kuxjenza safja, qalb kuntenta.
Min jagħmel it-tajjeb jgħix kuntent.
Ir-ras meta tifliha tkun taf x’fiha.
Tara tassew sa fejn tkun waslet il-ħsara meta tipprova ssewwiha.
Is-sabiħ kulħadd jaf jarah.
Kulħadd kapaċi jagħraf x'inhu sabiħ.
L-aħħar tibna kisret dahar il-ħmar.
Kien jonqos l-aħħar azzjoni żgħira biex persuna jew sitwazzjoni tikkrolla wara serje ta' problemi akkumulati.