Meta kollox ikun miexi sew teħles malajr, iżda meta kollox jibda ġej bil-kontra, iddum ħafna iżjed.
Din id-dinja għall-imxuma.
Il-ħanżir b’xaħmu jinqela.
In-nies ħżiena malajr isibu lil xi ħadd bħalhom li jagħmlilhom il-ħsara.
It-tiġieġa fejn tiekol in-nuħħala tmur tbidha l-bajda.
Kulħadd irid iwieġeb ta' għemilu, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
Aħseb il-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.
Tafdax iżżejjed u ma titqarraqx.
Ħares warajk u tħarisx quddiemek.
Oqgħod attent, huwa aktar faċli li ħaddieħor jagħmillek il-ħażin minn wara dahrek milli f'wiċċek.
Ħudha la ġietek għax jekk tħalliha jibdielek.
Meta tkun xortik tajba, kun kuntent u gawdiha għax ma tafx meta ser terġa' tiġi.
Erba’ bajtriet qatt ma wiżnu qantarejn.
L-isforzi biex wieħed jirranġa sitwazzjoni ħażina ma jkunux biżżejjed biex tinqaleb il-folja.
Lil min jaħralek f’idek tiddejjaqx iċċappashulu ma’ geddumu.
Qis li tiddefendi lilek innifsek kontra min jipprova jagħmillek il-ħsara.
Ir-raġuni ma tridx forza.
Ara li hemm il-bilanċ f'dak li tagħmel u ma ssibx problemi.
Id-dinja tal-brikkun.
Fid-dinja n-nies ħżiena jirnexxu iżjed min-nies twajba.
Il-kelb in-nagħaj idejjaq in-nies tad-dar u tal-ġar.
Superstizzjoni Maltija tgħid li l-klieb li jingħu jbassru xorti ħażina.
Dak li baram lili, għada jista’ jiftel lilek.
Ħadd mhu speċjali, jista' jiġrilek kull ħaġa li tista' tiġri lil ħaddieħor.
Kelb għalkemm jixjieħ jibqa’ jigdem.
Bniedem ħażin ma jinbidilx, mhux imbilli jixjieħ.
Kull kobba fiha tarfha.
Kull sitwazzjoni diffiċli u kkumplikata tissolva.
Ħadd mhu kuntent b’xortih.
Qatt m'aħna kuntenti b'dak li għandna, dejjem irridu iżjed.
Ilbieraħ kilt tiġieġa, illum bajda mgħollija u għada nixrob l-ilma tal-lissija.
Ix-xorti taf tkun kattiva ħafna, għax filli tidħaqlek u filli ttik bis-sieq. L-ilma tal-lissija huwa l-ilma tal-ħasil.
It-triq tan-nofs l-aħjar.
L-estremi dejjem ħżiena - tgħallem immodera.
Kull qalb trid oħra.
Meta tagħmel it-tajjeb ma' persuna, tistenna l-istess ħaġa mingħandha meta tiġi bżonn.
Fuq tlieta toqgħod il-borma.
Ma' kull ħaġa tajba jew ħażina li tiġri, stenna tnejn oħra!
Lill-ħażin agħtih biċċa minn dejlek u erħilu jmur.
Aħrab il-ħażin u lil min jaqla' l-inkwiet. Dejlek tfisser id-dublett tiegħek.
Aħjar it-triq għax la fiha xewk u lanqas għollieq.
Jekk tkun ġust f'li tagħmel ma tidħolx f'inkwiet.