B'ħafna paroli fil-vojt u indeċiżjoni ma tasal imkien.
Ħaġa li ma tixraqx tagħmilhiex u kelma li tisma’ d-dar la ttennihiex.
Kelma mal-ħbieb xorrox fil-qlieb.
Ladarba tgħid kelma ma tistax tiblagħha lura. Qlieb huwa l-plural ta' qaleb.
Bejn il-kliem u l-fatti hemm raġel b’xiber mustaċċi.
Dak li tagħmel jgħodd, mhux dak li tgħid.
Il-kelma agħlaq f’qalbek u tħallihiex toħroġ.
Kelma li tista' ġġib lilek jew lil ħaddieħor fl-inkwiet, żommha għalik.
Kliem fieragħ ma jimliex imtieraħ.
Il-paroli fil-vojt ma jiswa xejn. Imtieraħ huma saqqijiet.
Anqas ma tgħid, aħjar.
Dak li ma tgħidx ma jistax jintuża kontrik.
L-ilsien fih il-melliesa u n-niggieża.
L-ilsien kapaċi juri l-ħlewwa (= il-melliesa) kif ukoll il-kattiverja (= in-niggieża).
Jekk tgħid tarra u jekk ma tgħidx tiżgarra.
Taqlagħha jekk tgħid, u taqlagħha wkoll jekk ma tgħid xejn.
Il-kliem bħaċ-ċirasa, waħda ġġib l-oħra.
Kelma ġġib oħra, u minn ftit kliem tispiċċa tagħmel diskursata sħiħa.
La tgħidx kulma taħseb u la turix kulma taf.
Tippruvax turi kemm inti għaref għax malajr toħroġ ta' prużuntuż jew iqabbduk tagħmel xi biċċa xogħol li ma kontx qed tistenna.
Jekk tgħid li trid, ikollok tisma’ milli ma tridx.
Jekk bi toqgħodx attent bi kliemek, ikollok tbati r-reazzjoni ta' ħaddieħor.
Ilsien herrież isħqu bil-mehrież.
Tweġġa' lil ħadd bi lsienek, u bl-istess mod evita lil min iweġġgħek bi lsienu. Herrież tfisser niggieżi.
Liġġem żiemlek għax jarmik, liġġem ilsienek għax jgħallik.
Għandek dejjem toqgħod attent minn dak li tgħid għax jiddispjaċik (= tagħli), bħaż-żiemel li tliġġmu (= tlibbislu lġiem) biex ma jisfrattax u jarmik minn fuq dahru.
Aħjar tiżloq b’riġlejk milli bi lsienek.
Kelma żejda agħar milli tweġġa' fiżikament.
Il-miktub magħruf.
Il-kitba mhix astratta bħall-kliem, mela oqgħod attent x’tikteb u x’tiffirma f’ismek għax ‘il quddiem jaf jiddispjaċik.
Għedt kelma u swietli mija, li m’għedt xejn swietli mitejn.
Qis kliemek u tgħidx iżjed minn kemm imissek.
Argument bla pedament jaqa’ dikment.
Biex argument irieġi jrid ikun sod.
L-ewwel isma’, imbagħad tkellem.
Isma' x'għandhom xi jgħidu l-oħrajn u wara asal għall-konklużjoni tiegħek.
Kliem ma tridux jixxerred, tgħidux.
Jekk ma tridx li dak li tgħid jinxtered, tgħid xejn.
Kelma f’waqtha tiswa mija.
Jiswa ħafna meta tgħid il-ħaġa t-tajba fil-mument it-tajjeb.
Kliemek tiegħmu sew qabel tlissnu.
Jekk toqgħod attent xi tgħid, ma ddejjaq lil ħadd bi kliemek.