Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tiqsar ħajjitna.
Iż-żmien lil ħadd ma jkellem u jgħaddi bla ma jsellem.
Biż-żmien kollox jintesa.
L-affarijiet jintesew biż-żmien.
Iż-żmien jitwal, min filgħodu jbakkar u filgħaxija jwaħħar.
Min iqum filgħodu kmieni u jidħol jorqod tard jirnexxilu jagħmel iżjed affarijiet.
Li ma jiġrix f’sena jiġri f’siegħa.
Diffiċli tbassar dak li għad jiġri fil-futur.
Meta jkollok erbgħin sena jinqalagħlek qarn kull sena.
Malli tagħlaq l-erbgħin, kull sena tinqala' xi problema ta' saħħa.
Ixjeħ m’aħna, itqal qantarna.
Fil-ħajja l-ħin kollu ġġarrab, u fi xjuħitna dan it-tiġrib ikompli dejjem jiżdied.
Iż-żmien lil ħadd ma jkellem, jgħaddi ħiemed bla jitkellem.
Lanqas biss nindunaw kemm itir iż-żmien.
Meta ż-żmien itul il-ħsieb idur.
Ċerti fehmiet u drawwiet jinbidlu maż-żmien.
Iż-żmien jgħaddi u jnessi.
Iż-żmien itaffi l-weġgħat tal-passat.
Iż-żejt min jaħarqu u min jieklu.
Bħalma hawn min jaħraq (= jaħli) iż-żejt u min jużah (= jieklu), hawn min juża l-ħin tajjeb u hawn min jaħlih.
Darbtejn insiru tfal.
Meta tixjieħ u titlef saħħtek tispiċċa tiddependi fuq ħaddieħor, bħat-tfal.
Biż-żmien issir iż-żorba.
Biż-żmien nixjieħu u nitilfu saħħitna.
Iż-żmien l-aqwa galantom.
Biż-żmien tkun taf aħjar x'deċiżjoni għandek tieħu.
Iż-żmien isejjel il-ħajja.
Ħajjitna mislufa, mhix għal dejjem. Isejjel tfisser idejjen.
Għax-xiħa taħdit u l-imgħażel.
Dari n-nisa xjuħ ma kellhomx biex jedhew ħlief fil-paroli u fl-insiġ. L-imgħażel huwa għodda għall-insiġ.
Iż-żmien li titlef ma terġax iġġibu.
Jeħtieġ li ż-żmien tużah tajjeb, għax ma jerġax jiġi lura.
Iġġorr, iġġorr, iġġorr sakemm il-bajda ttorr.
Xejn ma jsir f'daqqa, kollox irid iż-żmien tiegħu. Ittorr tfisser tbid.
Biż-żmien kollox jissewwa.
L-affarijiet jitranġaw biż-żmien.
Maż-żmien kollox jeqdiem.
Xejn ma jibqa' ġdid biż-żmien.
Kull jum jitrod wara l-ieħor u jgħaddu l-ġmiegħ u s-snin.
Iż-żmien malajr jgħaddi. Jitrod, mill-verb tarad, tfisser isegwi. Ġmiegħ tfisser ġimgħat.
Iġġorr, iġġorr, iġġorr sakemm il-bajda ttorr.
Xejn ma jsir f'daqqa, kollox irid iż-żmien tiegħu. Ittorr tfisser tbid.