Iż-żmien malajr jgħaddi.
Min jagħlaq l-erbgħin sena, jinqalagħlu qarn kull sena.
Agħar hu minn zokk tal-fiġel li aktar ma jikber aktar jixraf.
Aktar ma jixjieħ, aktar imur għall-agħar.
Meta ħaġa ttul ixxebba’.
L-affarijiet iġġebbidhomx bla bżonn, eħlishom.
Min għandu ħafna ġid jista’ jiżdiedlu, min għandu ftit jista’ jonqsu, iżda l-għomor jonqos żgur lit-tnejn.
Ikollok kemm ikollok flus, il-mewt ma jirbħilha ħadd.
Fid-dinja kollox jgħaddi.
Iż-żmien itaffi l-uġigħ u jnessihulna.
Il-bniedem jikber u l-qalb tiċkien.
Aktar kemm nixjieħu, aktar inħossuhom l-emozzjonijiet.
Għax-xiħa taħdit u l-imgħażel.
Dari n-nisa xjuħ ma kellhomx biex jedhew ħlief fil-paroli u fl-insiġ. L-imgħażel huwa għodda għall-insiġ.
L-imgħoddi nsieh, li ġej ftakar fih.
Tgħallem mill-iżbalji li għamilt fil-passat u ara li ma terġax tagħmilhom fil-futur.
Iż-żmien li għaddej xi drabi aħjar milli ġej.
Aħjar dan iż-żmien li fih taf x'qed jiġri, miż-żmien li għadu ġej u li ma tafx x'se jsarraf.
Li ma jiġrix f’sena jiġri f’siegħa.
Diffiċli tbassar dak li għad jiġri fil-futur.
La għandek iż-żmien taħlihx.
Qis li ż-żmien tużah tajjeb.
L-għaqal bin iż-żmien.
It-tiġrib tal-ħajja jagħmilna iżjed għaqlija.
Iż-żmien jagħmel is-susa.
Biż-żmien kollox jispiċċa.
Bikja u maħta u kollox imur fis-saħta.
Ħajjet il-bniedem qasira ħafna u mimlija tbatija. Fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd imut u jintesa.
Jekk il-qaħba tkun xaħxeħija għaliha m’hemmx xjuħija.
Iż-żmien bħal donnu ma jilħaqx lill-prostituti li jieħdu ħsieb tagħhom infushom.
Iġġorr, iġġorr, iġġorr sakemm il-bajda ttorr.
Xejn ma jsir f'daqqa, kollox irid iż-żmien tiegħu. Ittorr tfisser tbid.
Biż-żmien kollox jissewwa.
L-affarijiet jitranġaw biż-żmien.
Il-paga għall-pjaga.
Il-paga mhix isservi biex il-familja tgħix komda.
Għax-xiħa taħdit u l-imgħażel.
Dari n-nisa xjuħ ma kellhomx biex jedhew ħlief fil-paroli u fl-insiġ. L-imgħażel huwa għodda għall-insiġ.
Dak li ma sarx f’mitt sena mhux se tagħmlu f’jum.
Biex issir xi ħaġa hemm bżonn taż-żmien u l-paċenzja, ma tistax tagħmilha malajr biex teħles.
Għix bil-mod u tgħix ħafna.
Min il-ħin kollu jiġri u għandu x'jagħmel, ħajtu tgħaddi malajr.