Iż-żmien malajr jgħaddi. Jitrod, mill-verb tarad, tfisser isegwi. Ġmiegħ tfisser ġimgħat.
Bis-sabar u biż-żmien kollox jasal fit-tmiem.
Iż-żmien jagħmel is-susa.
Biż-żmien kollox jispiċċa.
Iż-żmien gerbiebi.
Iż-żmien malajr jgħaddi.
Iż-żmien lil ħadd ma jkellem, jgħaddi ħiemed bla jitkellem.
Lanqas biss nindunaw kemm itir iż-żmien.
Iż-żmien għażiż u ma jinxtarax.
Jeħtieġ li ż-żmien tużah tajjeb, għax ma jerġax jiġi lura.
Iż-żmien isejjel il-ħajja.
Ħajjitna mislufa, mhix għal dejjem. Isejjel tfisser idejjen.
Għix bil-mod u tgħix ħafna.
Min il-ħin kollu jiġri u għandu x'jagħmel, ħajtu tgħaddi malajr.
Akbar minnek b’jum, għeref minnek sena.
Min għandu iżjed żmien minnek dejjem ser ikollu iżjed esperjenza tal-ħajja.
Iż-żmien itul u l-qrun idur.
Ċerti fehmiet u drawwiet jinbidlu maż-żmien.
Iż-żgħar jaħsbu li x-xjuħ boloh u x-xjuħ jafu li ż-żgħar boloh.
Iż-żgħażagħ jitqarrqu għax jaħsbu li l-anzjani boloh, iżda l-anzjani jafu biċ-ċert li ż-żgħażagħ boloh għax daqshom kienu xi darba.
Iż-żmien jiekol sas-snien.
Biż-żmien kollox jispiċċa.
Għaddew is-snin minn fuqek, issa fik jirgħa l-bebbux.
Is-sbuħija ta' meta tkun għadek żagħżugħ(a) mhix eterna, irridu nixjieħu u nikriehu.
Iż-żmien għaddej u dejjem taħseb f’li ġej.
Meta tgħaddi minn ħaġa għal oħra l-ħin kollu, iż-żmien malajr jgħaddi.
Fid-dinja idħaq għax jiġi żmien meta ma tistax.
Idħaq u fittex li tkun kuntent meta tista' għax il-ħajja qasira.
Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra.
Biż-żmien kollox isir.
Il-bniedem jikber u l-qalb tiċkien.
Aktar kemm nixjieħu, aktar inħossuhom l-emozzjonijiet.
Iż-żmien jagħmel is-susa.
Biż-żmien kollox jispiċċa.
Iġġorr, iġġorr, iġġorr sakemm il-bajda ttorr.
Xejn ma jsir f'daqqa, kollox irid iż-żmien tiegħu. Ittorr tfisser tbid.
Ibża’ mil-leħja twila.
Huwa aktar faċli li n-nies ta' esperjenza jidħqu bik.
Iż-żgħar jaħsbu li x-xjuħ boloh u x-xjuħ jafu li ż-żgħar boloh.
Iż-żgħażagħ jitqarrqu għax jaħsbu li l-anzjani boloh, iżda l-anzjani jafu biċ-ċert li ż-żgħażagħ boloh għax daqshom kienu xi darba.
Ħares lejn snieni u eħlisni kmieni.
L-anzjani għandhom jinqdew qabel ħaddieħor, ħabba li saħħithom hija iżjed fraġli.