Min jixjieħ jerġa’ jsir tifel.Meta tixjieħ u titlef saħħtek u s-sens tar-raġuni tispiċċa tiddependi fuq ħaddieħor, bħat-tfal.
Meta jkollok erbgħin sena jinqalagħlek qarn kull sena.Malli tagħlaq l-erbgħin, kull sena tinqala' xi problema ta' saħħa.
Dak li f’qalb ix-xiħ iredden bih.L-anzjani taqbadhom ħafna nostalġija meta jiftakru fl-imgħoddi, għalhekk dejjem isemmuh.
Kull jum jitrod l-ieħor u ġimgħa titrod l-oħra.Iż-żmien malajr jgħaddi. Jitrod, mill-verb tarad, tfisser isegwi.
Frotta misjura ruħha fi snienha.Bħal frotta misjura li tkun waslet biex titħassar, il-ħajja tax-xiħ tkun waslet fl-aħħar.