Min jgħir għalik il-ħin kollu għassa tiegħek ħalli jara x'inti tagħmel.
Ħadd ma jara ħotobtu għax jaqa’ u jmut zoptu.
Ħaġa wieħed ikun jaf biha meta juriha.
Uri l-ħiliet tiegħek biex ħaddieħor ikun jaf x'inti kapaċi tagħmel.
Din ħażin, ħażin jibqa’.
Il-bniedem diffiċli jeħles mill-vizzji, wisq probabbli bihom jibqa'.
L-għajjur bil-ġuħ imut.
In-nies għajjurin bla sodisfazzjon jibqgħu.
Ħanżir taqtagħlu denbu ħanżir jibqa’.
Min għandu vizzju, bih jibqa' jgħix.
Jekk tiġi ċatta pala, jekk tiġi tonda seffud.
Imur l-aħjar min jieħu l-ħajja kif tiġi.
Fuq ġebla waħda jibni sur.
Qed jgħid affarijiet wisq esaġerati biex jitwemmnu.
Kull tajra tifraħ b’rixa.
Kulħadd jiftaħar b'dak li għandu.
Kull għuda għandha duħħanha.
Kulħadd għandu xi difett. Għuda tfisser injama.
Dara jerda’ miż-żejża; ħalli naraw meta tmur Trejża.
Bniedem li jiddependi l-ħin kollu fuq ħaddieħor isibha diffiċli xħin ikollu jagħmel xi ħaġa waħdu.
Ħafna ftaħir imbagħad tfittex u ma ssib xejn.
Min ikun irid jimpressjona ma jkollux tassew biex.
Il-ħalf iġib is-seħta.
Min jaħlef fil-vojt iġib ħafna inkwiet.
Kulħadd milli għandu jagħti.
Tistenniex affarijiet mingħand min taf li ma jistax jagħtihomlok.
Kelb ħiemed ibża’ minnu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik. Ħiemed tfisser kwiet.
Ħalli ‘l ħaddieħor ifaħħrek.
Kun umli u tiftaħarx, ħalli lil ħaddieħor ifaħħrek minn jeddu.
Kellu l-borqom, xejn ma jinfdu.
Dari kienu jemmnu li min kien jitwieled bil-borqom (= amniotic sac) intatt, ħadd ma jkun jista' għalih.
Għal kull għadma hawn il-marlozz.
Toqgħodx taħseb li inti aħjar minn ħaddieħor, għax malajr issib lil xi ħadd eżatt bħalek. Il-marlozz (= merluzz) huwa tip ta' ħuta.
Jien bin ommi, ta’ żaqqi f’fommi.
Hemm nies li ma jomogħduhiex, li jħossu jgħidu.
Giddieb darba, giddieb dejjem.
Min jinqabad fil-gideb imqar darba jieħu l-fama ta' giddieb u ħadd ma jemmnu iżjed.
Il-miżbla qatt ma tkun tfuħ.
Mingħand xi ħadd ta' intern ħażin tistenniex it-tajjeb.
Jien bħas-sellum taż-żina, la ma teħtiġux tarmih fil-kantina.
Hemm nies li jkellmuk biss meta jkollhom bżonn xi ħaġa mingħandek jew biex jinqdew bik. Iż-żina f'dan il-każ tfisser il-festa.