Taqbadx u teħles minn xi ħaġa, għax għad jasal il-mument li tiġi bżonnha.
Jekk tiġbed wisq tinqata’ l-ħajta.
Jekk trid il-ħaġa ssir mur int, u jekk ma tridx ibgħat.
Trid tieħu inizjattiva inti biex l-affarijiet isiru, inkella qabbad lil xi ħadd kapaċi.
Jiswa wisq aktar il-ħmar tiegħek miż-żiemel ta’ ħaddieħor.
Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta' ħaddieħor.
La ħablet jeħtiġilha tiled.
Kulma tagħmel għandu l-konsegwenzi tiegħu.
Jekk trid tiekol il-bajtar, itla’ aqta’ int.
Jekk biċċa xogħol diffiċli tridha ssir sew, agħmilha int u tqabbadx lil ħaddieħor.
Id-dinja ma saritx f’daqqa.
Biex l-affarijiet isiru sew, iridu jsiru bil-mod u bil-paċenzja. Xejn ma jsir f'daqqa.
Min bdielu xejn ma swielu.
Min qagħad joqgħod jittratieni m'għamel xejn.
Kulma tagħti n-natura ma jistax jitreġġa’ lura.
In-natura tiddetta kollox hi minn kull aspett - kemm ikollna enerġija u saħħa, inkunux f'saħħitna jew morda, il-kulur tal-għajnejn u x-xagħar, eċċ.
Min ifaħħar irid jieħu.
Min joqgħod ifaħħrek ikun qed jistenna xi ħaġa mingħandek.
Fil-borma fula niexfa u fit-taġen fula xierfa.
Ir-riżultat huwa determinat minn dak li tiddeċiedi li tagħmel inti.
Bużobba b’li kellu ddobba.
Tiddobba b'dak li jkollok, m'hemmx mod ieħor.
Lil min iddarrih irabbi l-ġust.
Jekk xi ħadd jidra jagħmel jew jirċievi xi ħaġa, jibda jaħseb li għandu dritt għaliha.
Meta tkun fix-xalata jeħtieġ tiżfen.
Jeħtieġ li tadatta għal kull ċirkostanza fil-ħajja.
Bil-mod kollox isir.
Bi ftit paċenzja kollox isir.
Għall-pariri kulħadd raġel.
Kulħadd jaf jagħti parir għax faċli ħafna, kelma tmur fin-nofs.
Il-ħaġa f’waqtha tajba.
Agħmel li għandek tagħmel mill-ewwel u taħlix żmien.
Meta r-ras iż-żgħira tkun fil-glorja, ir-ras il-kbira titlef il-memorja.
Il-ġibda sesswali fil-bniedem tant hi qawwija li ma jibqax jirraġuna meta tiġi l-okkażjoni li jkollu x'jaqsam. Ir-ras iż-żgħira tirreferi għall-parti sesswali tar-raġel.
Min irid jinqeda jmur hu.
Min irid xi ħaġa jeħtieġ li jfittixha jew jagħmilha hu stess.
Il-lest lest.
Li tkun lestejt m'għandekx iżjed ħsiebu.
Il-munxar għana u l-qaduma ħala.
Kun effiċjenti, bħas-serrieq (= munxar) li huwa iżjed effiċjenti mill-mannara (= qaduma).
Meta jaqbel qabbel.
Aħtaf kull okkażjoni tajba li tiġik biex tmur minn fuq.