Ara li dak li hu tiegħek tgawdih int, mhux tħalli lil ħaddieħor igawdih hu minflokok.
Bniedem mhux mistieden m’hemmx siġġu għalih.
Kulma tagħti n-natura ma jistax jitreġġa’ lura.
In-natura tiddetta kollox hi minn kull aspett - kemm ikollna enerġija u saħħa, inkunux f'saħħitna jew morda, il-kulur tal-għajnejn u x-xagħar, eċċ.
Is-siġra ma tagħmilx frott barra minn żmienha.
Fid-dinja kollox f'ħinu u f'waqtu, bħaċ-ċiklu tan-natura.
Dak li għandek tirhan bigħu.
Jekk għandek xi ħaġa x'tagħmel agħmilha minnufih.
Biex titgħallem tgħum ma tridx tibża’ mill-ilma.
Min jibża' mkien ma jasal.
Kull żmien żmienu.
Jeħtieġ li tadatta għal kull sitwazzjoni u ċirkostanza.
Għal musmar titlef in-nagħla.
Għal ħaġa mhi xejn tispiċċa titlef kollox.
Aħseb dejjem x’jiġi wara.
Żomm f'moħħok il-konsegwenzi ta' azzjonitek qabel tagħmel xi ħaġa.
Il-wiċċ li jindara bil-ħara jinxtara.
Il-kunfidenza żejda ġġib nuqqas ta' rispett.
Fittex li tboss mingħajr ma tagħmel ħoss.
Dak li għandek tagħmel agħmlu b'mod diskret.
Għaddi dejjem mnejn jgħaddi l-ħmar u ma jibdilekx.
Jekk tagħmel bħal ħaddieħor ma tiżbaljax.
Kollox jiġi f’waqtu.
Hemm il-ħin u l-mument it-tajjeb għal kollox.
Biex tagħmel l-arja jrid ikollok biex.
Irid ikollok raġuni tajba biex tiftaħar b'xi ħaġa.
Il-lest lest.
Li tkun lestejt m'għandekx iżjed ħsiebu.
It-Tork jgħid min iġarrab jagħraf, aħseb u ara xi jgħid in-Nisrani.
It-tiġrib tal-ħajja huwa l-akbar sors ta' tagħlim.
Iż-żejjed ħu n-nieqes.
Uża l-moderazzjoni f'dak kollu li tagħmel.
L-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu u li jisma’ jgħidu ‘l ibnu.
Trid toqgħod attent ħafna minn dak kollu li tgħid u tagħmel, għax malajr jgħidu bik u l-kelma tiġri.
Is-self joħroġ jidħaq u jidħol jibki.
L-affarijiet tiegħek tieħu ħsiebhom, iżda meta tislifhom lil ħaddieħor kun af li mhux ser jieħu ħsiebhom bl-istess mod.
Għaddi dejjem mnejn jgħaddi l-ħmar u ma jibdilekx.
Jekk tagħmel bħal ħaddieħor ma tiżbaljax.
L-aħjar triq tan-nofs.
M'hemmx isbaħ mill-moderazzjoni.
Kollox duħħan fuq din l-art.
Kollox jasal fi tmiemu fid-dinja.