Ħu l-opportunità li ġietek.
La toqgħodx fuq l-għatba u lanqas fuq is-senduq għax minn hemm bla ħsieb iqajmuk.
Jeħtieġ tibża' għall-affarijiet ta' ħaddieħor ukoll.
La tgħid qatt minn dan l-ilma ma nixrobx.
Titkaża b'ħadd għax għada tkun int li tagħmel dak li qed titkaża bih illum. Bl-istess mod, tiksirha minn ma' ħadd għax ma tafx min għad tiġi bżonn.
Bil-meħel kollox isir.
Bi ftit paċenzja kollox isir.
Aħbar li ma taqbillekx, toqgħodx tismagħha.
M'hemmx għalfejn tkompli tisma' aħbar ħażina.
Aħsibha qabel ma tagħmilha.
Żomm f'moħħok il-konsegwenzi ta' azzjonitek qabel tagħmel xi ħaġa.
Il-lejl għandu wliedu suwed.
Isiru ħafna affarijiet ħżiena billejl, mela oqgħod attent(a).
Kieku u kien qatt ma ltaqgħu flimkien.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta fuq dak li seta' kien.
Bniedem imġarrab jibża’ minn dellu.
Bniedem li jkun għadda minn esperjenza kerha joqgħod iżjed attent fil-futur.
Għajnejk u widnejk misshom b’minkbejk.
Toqgħodx tmiss għajnejk u widnejk għax tlaqqat infezzjoni.
Jekk trid tiekol il-bajtar, itla’ aqta’ int.
Jekk biċċa xogħol diffiċli tridha ssir sew, agħmilha int u tqabbadx lil ħaddieħor.
Lil min jiġbidlek lekkimlu.
Aħtaf kull okkażjoni tajba li tiġik. Lekkimlu jiġifieri iġbidlu.
L-aħjar toqtol żewġ għasafar bi skartoċċ wieħed.
Aħjar teħles żewġ affarijiet f'daqqa kif tkun fiż-żifna.
Il-lest lest.
Li tkun lestejt m'għandekx iżjed ħsiebu.
L-aħjar triq tan-nofs.
M'hemmx isbaħ mill-moderazzjoni.
Aringa filgħodu deheb, aringa f’nofsinhar fidda, aringa filgħaxija ram.
L-affarijiet għandek tgawdihom meta jkunu fl-aqwa tagħhom, qabel ma jkun tard wisq.
Għaddi dejjem mnejn jgħaddi l-ħmar u ma jibdilekx.
Jekk tagħmel bħal ħaddieħor ma tiżbaljax.
Kulħadd għandu mnieħer biex ixomm.
Ħadd mhu iblah, kulħadd jaf x'għandu jagħmel.
Il-ġuħ iġiegħlek tiekol kollox.
Meta jkollok bżonn xi ħaġa ma taħsibhiex darbtejn, taqbad u tagħmilha.
Lil min tisilfu titilfu, lil min tagħtih iddarrih.
Meta tislef jew tagħti xi ħaġa lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhielek lura.
Jiswa wisq aktar il-ħmar tiegħek miż-żiemel ta’ ħaddieħor.
Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta' ħaddieħor.