Agħmel li għandek tagħmel mill-ewwel u taħlix żmien.
Ħajri ma nagħtihx lil għajri.
Aħrab l-iff, il-puff u l-jaqq għax iġibu wġigħ ta’ żaqq.
Tbati inqas jekk titgħallem mill-iżbalji ta' ħaddieħor.
Jekk tiġbed wisq tinqata’ l-ħajta.
Tesaġerax u tabbużax għax ikollok tbati l-konsegwenzi.
Il-ħobż minn ħalqi nieklu.
M'iniex injorant daqs kemm qed taħsibni, naf x'għandi nagħmel.
Bniedem avżat nofsu armat.
La tkun taf b'xi ħaġa minn qabel, għandek kull opportunità biex tlesti ruħek.
Kull waqt waqtu.
Jeħtieġ li tadatta għal kull sitwazzjoni u ċirkostanza.
Fejn il-kotra ma ssibx tarf.
Tagħmel x'tagħmel, ma tistax tintgħoġob ma' kulħadd.
Erba’ għajnejn aħjar minn tnejn.
Meta jkun hemm aktar minn persuna waħda tiċċekkja biċċa xogħol, hemm aktar ċans li jinqabdu l-iżbalji.
Dak li jagħmilhielek darba jagħmilhielek mitt darba.
Min diġà tak prova li ma tistax tafdah tkunx iblah u terġa' tafdah.
Kieku waqa’ u kiser siequ.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod taħseb fuq dak li seta' kien.
Jew tiekol jew issaffar.
Ma tistax tleħħaq ma' kollox f'salt.
Agħmel li tista’, imbagħad isir li jsir.
Agħmel ħiltek imbagħad jiġri li jrid.
Kulħadd irid il-ħniena u l-Ħniena fit-triq tar-Rabat.
Ħadd ma jħenn għalik fid-dinja. Il-Kappella tal-Ħniena tinsab fit-triq tar-Rabat, Għawdex.
Kull qoffa ssib il-miżbla tagħha.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
La toqgħodx fuq l-għatba u lanqas fuq is-senduq għax minn hemm bla ħsieb iqajmuk.
Jeħtieġ tibża' għall-affarijiet ta' ħaddieħor ukoll.
Aħjar tgħawweġ milli tkisser.
Agħmel żball li jissewwa mhux wieħed li ma jissewwiex.
Kulħadd għandu mnieħer biex ixomm.
Ħadd mhu iblah, kulħadd jaf x'għandu jagħmel.
Fid-dinja kollox jista’ jkun.
Ħadd mhu speċjali, jista’ jiġrilek kull ħaġa li tista’ tiġri lil ħaddieħor.
Il-ħmar tiegħi u nirkeb wara.
Ara li dak li hu tiegħek tgawdih int, mhux tħalli lil ħaddieħor igawdih hu minflokok.
Kull żmien żmienu.
Jeħtieġ li tadatta għal kull sitwazzjoni u ċirkostanza.
La tgħoddx qabel ma jkun fl-ixkora.
Qabel ma tħalli l-ħsibijiet tiegħek jiġru bik, qis il-fatti kollha u stenna sal-aħħar.