Il-ħolm waħdu ma jwasslek imkien.
Bormot ġarek tfuħ aktar minn ta’ darek.
Jekk tiġbed wisq tinqata’ l-ħajta.
Tesaġerax u tabbużax għax ikollok tbati l-konsegwenzi.
Jiswa wisq aktar il-ħmar tiegħek miż-żiemel ta’ ħaddieħor.
Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta' ħaddieħor.
Kulħadd iridha dik iċ-ċajta kultant.
Ċajta ta' kultant tagħmillek il-ġid.
Bniedem avżat nofsu armat.
La tkun taf b'xi ħaġa minn qabel, għandek kull opportunità biex tlesti ruħek.
Aħxen il-komma mid-driegħ, jekklile huwa u dieħel jaqsamha.
Jekk il-komma tkun iżgħar mid-driegħ, id-driegħ ma jidħolx. Bl-istess mod, għandek tadatta skont is-sitwazzjoni.
Il-borma min iħawwarha jaf x’fiha.
Min ikun għamel xi ħaġa hu stess ikun jaf eżatt x'sar u x'ma sarx.
Jekk jaqbel qabbillu.
Uża moħħok biex dejjem tasal għad-deċiżjoni t-tajba.
La ħablet jeħtiġilha tiled.
Kulma tagħmel għandu l-konsegwenzi tiegħu.
Kieku waqa’ u kiser siequ.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod taħseb fuq dak li seta' kien.
Il-ħbar hi li l-għasfur tar u l-għoxx baqa’ battal.
Jekk ma taħtafx l-opportunità, wara jkun tard wisq. Ħbar tfisser aħbar u għoxx tfisser bejta tal-għasafar.
Il-ħmar tiegħi u nirkeb wara.
Ara li dak li hu tiegħek tgawdih int, mhux tħalli lil ħaddieħor igawdih hu minflokok.
Trid tgħallem ’l ommok tbennen.
Ma tistax tgħallem lil min għandu iżjed esperjenza minnek f'xi ħaġa.
Kull soddieda ssib il-flixkun tagħha.
Għal kollox hemm is-soluzzjoni adatta. Soddieda hija tapp; oġġett li jsodd.
Fejn ma tafx tindaħalx.
Jekk ma tafx biżżejjed dwar is-suġġett jew is-sitwazzjoni mela tgħid xejn u tagħmel xejn.
Erba’ għajnejn aħjar minn tnejn.
Meta jkun hemm aktar minn persuna waħda tiċċekkja biċċa xogħol, hemm aktar ċans li jinqabdu l-iżbalji.
Aħjar uff inkella aħħ.
Aħjar tonfoħ bid-dwejjaq milli tokrob bl-uġigħ.
Kulħadd irid il-ħniena u l-Ħniena fit-triq tar-Rabat.
Ħadd ma jħenn għalik fid-dinja. Il-Kappella tal-Ħniena tinsab fit-triq tar-Rabat, Għawdex.
Aħjar għasfur f’idejk milli mija fl-ajru.
Aħjar ikollok iċ-ċertezza li xi ħaġa hija tiegħek, milli ma jkollok ebda ċertezza fuq ħafna affarijiet.
Il-ħaġa f’waqtha tajba.
Agħmel li għandek tagħmel mill-ewwel u taħlix żmien.
Il-wiċċ li jindara biċ-ċajt jinxtara.
Il-kunfidenza żejda ġġib nuqqas ta' rispett.