Minn kull ħaġa tista' toħroġ it-tajjeb jew il-ħażin, skont l-azzjonijiet tiegħek.
Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser.
Il-ħajjen ma jurix fiex inhu.
Min ikun f'sitwazzjoni ħażina ma jmurx jinkixef ma' ħaddieħor.
Illum jien u għada int.
It-tajjeb li mess lili llum imiss lilek għada, u l-istess bil-ħażin.
Erba’ bajtriet qatt ma wiżnu qantarejn.
L-isforzi biex wieħed jirranġa sitwazzjoni ħażina ma jkunux biżżejjed biex tinqaleb il-folja.
Lil min toqorsu joqmos.
Meta tagħmel azzjoni ħażina lil xi ħadd, stenna reazzjoni mingħandu.
Aħseb dejjem li l-hemm li temm lil ġarek jista’ jidħol f’darek.
M'intix speċjali, dak li jiġri lil ħaddieħor jista' faċilment jiġri lilek.
Il-ħmara tbul fuq l-għadira.
L-affarijiet il-ħżiena malajr jiżdiedu u jinfirxu.
La tiġi iftħilha l-bieb.
Ladarba jibda l-inkwiet ma jkun irid jieqaf b’xejn.
Min hu xxurtjat jixħitha mgħawġa u tiġih dritta.
Min huwa xortih tajba jagħmel x'jagħmel tiġih tajba.
Min imur ikittef joħroġ imnittef.
Min jagħmel il-ħażin lil ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
La l-qalb mimlija, il-fomm jitbewwaq.
Kulħadd għandu raġuni għaliex jiftaħ qalbu.
Fil-bżonn jitħarrku r-riġlejn.
Meta jkollok bżonn xi ħaġa tieħu azzjoni.
Lil kulħadd tiġi sigħetu.
Kulħadd irid iwieġeb għat-tajjeb u l-ħażin kollu li jkun għamel.
Mill-ħażin tistenniex li joħroġ it-tajjeb.
Mingħand min hu azzjonitu ħażina tistenniex mod ieħor.
Il-ħaxixa ħażina taqtagħhiex, aqlagħha.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta' kollox u oqtlu mill-għeruq.
Min ġera ma laħaqx u min laħaq ma daqux.
Meta jkollok bżonn ħafna ta' xi ħaġa ma ssibhiex, u meta jkollok ħafna minnha ma jkollokx aktar bżonnha.
Jeħtieġ teħodha kif tiġi.
Aċċetta li fil-ħajja mhux kollox imur tajjeb u kif tixtieq.
Il-ħanfus oqtlu biex ma jnittnekx.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta' kollox u oqtlu mill-għeruq. Il-ħanfus jagħmel riħa tinten biex jiddefendi ruħu.
Kull qaħba għandha ‘l Ġakka.
Meta ssir xi azzjoni ħażina, dejjem ikun hemm xi ħadd kompliċi (= Ġakka).
L-ilma jsaqqi l-ħatab u l-ħatab jgħalli l-ilma.
Tagħmel il-ġid mal-proxxmu, iżda dan ma jkunx rikonoxxenti.
La marret l-id ħa jmorru s-swaba’.
Min ikun għadda minn esperjenza kerha ħafna ma jagħtix kas l-affarijiet iż-żgħar.