Kulħadd irid iwieġeb ta' għemilu, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
Il-ħażin ilgħablu l-ħajna.
Dak li baram lili, għada jista’ jiftel lilek.
Ħadd mhu speċjali, jista' jiġrilek kull ħaġa li tista' tiġri lil ħaddieħor.
Il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun.
Min ikun għadda minn esperjenza ħażina joqgħod iżjed attent li ma jerġax jgħaddi minnha.
Mill-għeneb joħroġ l-inbid, imma joħroġ il-ħall ukoll.
Minn kull ħaġa tista' toħroġ it-tajjeb jew il-ħażin, skont l-azzjonijiet tiegħek.
Fejn bidt, mur kul il-qanneb.
Issa li għamilt id-deċiżjoni l-ħażina, lesti ruħek biex tbati l-konsegwenzi.
Kull min jagħmel il-qabar għal sieħbu jindifen fih.
Min jagħmel id-deni lil ħaddieħor, ma jsibx ġid mingħand ħaddieħor; anzi, il-ħajja tpattihielu.
Il-ħsieb raġel ħażin.
Toqgħodx taħseb ħażin għax spiss titqarraq.
It-tajjeb jidneb seba’ darbiet.
Kulħadd jiżbalja, anke n-nies twajba.
Min jgħaġġel wisq jibdielu.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u jiddispjaċik għax tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Itfagħha għal rasha forsi tiġi għal saqajha.
Fejn ma tafx, ħu sogru u agħmel xi ħaġa kif ġie ġie - jekk tkun xortik tajba, jaf tiġik tajba wkoll.
Li kieku x-xuxa kienet żina ma tinbitx f’xaqqet it-tina.
Min huwa fartas m'għandux għalfejn iħossu ħażin ħdejn min għad għandu xagħru (= ix-xuxa), wara kollox is-suf kullimkien jikber, anke fix-xaqq tal-warrani (= it-tina).
Fuq tlieta toqgħod il-borma.
Ma' kull ħaġa tajba jew ħażina li tiġri, stenna tnejn oħra!
Meta l-laħam hu ħażin, agħar jiġi l-brodu.
Mill-affarijiet il-ħżiena joħorġu affarijiet agħar.
Lil min taqtagħlu qalbu, toħroġlu ruħu.
Kun sors ta' tama u qawwi qalb il-proxxmu tiegħek, mhux taqtagħlu qalbu.
Il-bniedem għal dnubu niedem.
Xi affarijiet ħżiena li nġibu fuqna huma kollha tort tagħna.
L-azzjoni ta’ min jagħmilha, mhux ta’ min jirċeviha.
Azzjoni ħażina tirrifletti ħażin fuq l-aggressur mhux fuq il-vittma.
Armi l-ħażin u żomm it-tajjeb.
Qis li dejjem tagħżel l-aħjar.
It-tajjeb kulħadd jaf jarah.
Kulħadd kapaċi jagħraf x'inhu tajjeb.
Għan-niżla kull qaddis jgħin.
Meta ma jkunx hemm problemi kollox jimxi sew.
Ċappa tin u tamal ma fihomx x’titqażżeż.
Twarrabx xi ħaġa tajba sempliċement għax tidher kerha.
Jitħaxxen il-ħajt, tidjieq l-għorfa.
Ħaġa tmur tajjeb u l-oħra ħażin.