Jekk trid li xi ħaġa tinbidel, ara x'qed joħloqha u eqirdu.
Jekk trid il-ħaġa ssir mur int, u jekk ma tridx ibgħat.
Biex tagħmel l-arja jrid ikollok biex.
Irid ikollok raġuni tajba biex tiftaħar b'xi ħaġa.
Kull qoffa għandha miżblitha.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Bormot ġarek tfuħ aktar minn ta’ darek.
L-affarijiet ta' ħaddieħor dejjem se jidhru aħjar minn tiegħek.
Jew tkanta jew terfa’ s-salib.
Ma tistax tleħħaq ma' kollox f'salt.
Il-lejl għandu wliedu suwed.
Isiru ħafna affarijiet ħżiena billejl, mela oqgħod attent(a).
L-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu u li jisma’ jgħidu ‘l ibnu.
Trid toqgħod attent ħafna minn dak kollu li tgħid u tagħmel, għax malajr jgħidu bik u l-kelma tiġri.
La tħallix is-sħiħ għar-riħ.
Toqgħodx moħħok fl-irqaqat għax tispiċċa tinsa l-essenzjali.
Il-fartas ma jislifx xagħar.
Dak li m'għandix ma nistax nagħtihulek.
Aktar hu ħafif biex taqa’ milli biex tqum.
Faċli iżjed tiżbalja milli ġġibha tajba.
Ir-raġġ tal-idejn ibikki l-għajnejn.
Il-logħob tal-idejn iwassal għall-biki, la jweġġa' xi ħadd.
Fittex li tboss mingħajr ma tagħmel ħoss.
Dak li għandek tagħmel agħmlu b'mod diskret.
Kull waqt waqtu.
Jeħtieġ li tadatta għal kull sitwazzjoni u ċirkostanza.
Aħjar uff inkella aħħ.
Aħjar tonfoħ bid-dwejjaq milli tokrob bl-uġigħ.
Is-self ħu t-telf.
Meta tislef oġġett jew il-flus lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhomlok lura malajr jew fl-istess stat tajjeb li tkun slifthulhom int.
It-triq tal-ħmar twasslek id-dar.
Min jagħmel bħal ħaddieħor ftit li xejn jiżgarra.
Fejn ma tafx tindaħalx.
Jekk ma tafx biżżejjed dwar is-suġġett jew is-sitwazzjoni mela tgħid xejn u tagħmel xejn.
Bil-mod kollox isir.
Bi ftit paċenzja kollox isir.
Jiswa wisq aktar il-ħmar tiegħek miż-żiemel ta’ ħaddieħor.
Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta' ħaddieħor.
Il-ftit ma jxebbax.
Bħal meta tiekol ftit u ma tixbax, hekk ukoll ċerti affarijiet jitolbu iżjed minn ftit sforz biex jirnexxu.
Il-ġdid dejjem sabiħ.
L-affarijiet il-ġodda dejjem iżjed attraenti.