Taqbadx u teħles minn xi ħaġa, għax għad jasal il-mument li tiġi bżonnha.
Is-self joħroġ jidħaq u jidħol jibki.
Iż-żejjed imbidded.
Uża l-moderazzjoni f'dak kollu li tagħmel. Imbidded tfisser imxerred.
Jekk int mgħaġġel mur mal-vapur.
Ħu paċenzja u stenna wara min imissek fil-kju, inkella itlaq.
Aħseb ħafna, tkellem ftit, ikteb inqas.
Inqas ma taħseb, titkellem u tikteb, inqas hemm ċans li tagħmel żball.
Il-ħobż minn ħalqi nieklu.
M'iniex injorant daqs kemm qed taħsibni, naf x'għandi nagħmel.
Ixxammarx kmiemek qabel ma jasal żmienek.
Tiftaħarx qabel ma jkollok tassew biex.
Kieku u kien qatt ma nstabu flimkien.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta fuq dak li seta' kien.
Il-qadim żomm miegħu.
Il-qadim irnexxielu jegħleb l-isfidi matul iż-żmien u allura ta' min joqgħod fuqu.
Dak li jagħmilhielek darba jagħmilhielek mitt darba.
Min diġà tak prova li ma tistax tafdah tkunx iblah u terġa' tafdah.
Il-munxar għana u l-qaduma ħala.
Kun effiċjenti, bħas-serrieq (= munxar) li huwa iżjed effiċjenti mill-mannara (= qaduma).
Ir-raġġ tal-idejn ibikki l-għajnejn.
Il-logħob tal-idejn iwassal għall-biki, la jweġġa' xi ħadd.
Il-ġdid dejjem sabiħ.
L-affarijiet il-ġodda dejjem iżjed attraenti.
Kollox duħħan fuq din l-art.
Kollox jasal fi tmiemu fid-dinja.
Bniedem imġarrab jibża’ minn dellu.
Bniedem li jkun għadda minn esperjenza kerha joqgħod iżjed attent fil-futur.
Il-lejl għandu wliedu suwed.
Isiru ħafna affarijiet ħżiena billejl, mela oqgħod attent(a).
Id-dinja ma saritx f’daqqa.
Biex l-affarijiet isiru sew, iridu jsiru bil-mod u bil-paċenzja. Xejn ma jsir f'daqqa.
Il-wiċċ li jindara bil-ħara jinxtara.
Il-kunfidenza żejda ġġib nuqqas ta' rispett.
Ħaġa li ma jaqbilx tagħmilha jaqbel tħalliha.
Agħraf liema opportunitajiet jaqbillek tieħu u l-bqija ħallihom għaddejjin.
Il-ħolm la fih x’torbot u lanqas xi tħoll.
Il-ħolm waħdu ma jwasslek imkien.
Dak li jidħol fil-wiżna ma jidħolx fil-qantar.
L-affarijiet iż-żgħar ma jagħmlux differenza meta jitqiesu fil-kuntest tal-affarijiet il-kbar.
Il-ġuħ iġiegħlek tiekol kollox.
Meta jkollok bżonn xi ħaġa ma taħsibhiex darbtejn, taqbad u tagħmilha.