Ara li dak li hu tiegħek tgawdih int, mhux tħalli lil ħaddieħor igawdih hu minflokok.
Il-fuħħara li ġġelġel hija mxiegħra.
Aħbar li ma taqbillekx, toqgħodx tismagħha.
M'hemmx għalfejn tkompli tisma' aħbar ħażina.
Dak li jagħmilhielek darba jagħmilhielek mitt darba.
Min diġà tak prova li ma tistax tafdah tkunx iblah u terġa' tafdah.
Għall-magħmul m’hemmx kunsill.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta.
Biex titgħallem tgħum ma tridx tibża’ mill-ilma.
Min jibża' mkien ma jasal.
Għal musmar titlef in-nagħla.
Għal ħaġa mhi xejn tispiċċa titlef kollox.
Bil-meħel kollox isir.
Bi ftit paċenzja kollox isir.
Għall-pariri kulħadd raġel.
Kulħadd jaf jagħti parir għax faċli ħafna, kelma tmur fin-nofs.
Il-kruha hi wisq agħar mill-bluha.
Aħjar tkun iblah milli ikrah, tal-inqas il-bluha ma tidhirx.
Dabbar rasek għax idabbruhielek.
Ara l-affarijiet tiegħek għax ħaddieħor tiegħu wkoll jara.
La ħablet jeħtiġilha tiled.
Kulma tagħmel għandu l-konsegwenzi tiegħu.
Id-dinja ma saritx f’daqqa.
Biex l-affarijiet isiru sew, iridu jsiru bil-mod u bil-paċenzja. Xejn ma jsir f'daqqa.
It-tħollija ta’ xi ħaġa mil-lum għall-għada ma tasal qatt.
Il-prokrastinazzjoni ma twasslek imkien - aqbad u agħmel li għandek tagħmel.
Il-ħobż minn ħalqi nieklu.
M'iniex injorant daqs kemm qed taħsibni, naf x'għandi nagħmel.
Erba’ għajnejn aħjar minn tnejn.
Meta jkun hemm aktar minn persuna waħda tiċċekkja biċċa xogħol, hemm aktar ċans li jinqabdu l-iżbalji.
Min ifaħħar irid jieħu.
Min joqgħod ifaħħrek ikun qed jistenna xi ħaġa mingħandek.
Il-ġdid dejjem sabiħ.
L-affarijiet il-ġodda dejjem iżjed attraenti.
Meta tkun fix-xalata jeħtieġ tiżfen.
Jeħtieġ li tadatta għal kull ċirkostanza fil-ħajja.
Is-siġra ma tagħmilx frott barra minn żmienha.
Fid-dinja kollox f'ħinu u f'waqtu, bħaċ-ċiklu tan-natura.
Aħjar ftit minn xejn.
Aħjar tikkuntenta bi ftit.
Kull waqt waqtu.
Jeħtieġ li tadatta għal kull sitwazzjoni u ċirkostanza.