Jekk ma tafx biżżejjed dwar is-suġġett jew is-sitwazzjoni mela tgħid xejn u tagħmel xejn.
Ara xi qbadt u mhux x’sajjart.
Lil min jiġbidlek lekkimlu.
Aħtaf kull okkażjoni tajba li tiġik. Lekkimlu jiġifieri iġbidlu.
Jekk trid il-ħaġa ssir mur int, u jekk ma tridx ibgħat.
Trid tieħu inizjattiva inti biex l-affarijiet isiru, inkella qabbad lil xi ħadd kapaċi.
Bil-meħel kollox isir.
Bi ftit paċenzja kollox isir.
Kull żmien żmienu.
Jeħtieġ li tadatta għal kull sitwazzjoni u ċirkostanza.
Ma tagħmilx li trid, tagħmel li tista’.
Agħmel l-almu tiegħek imbagħad jiġri li jrid.
Kulħadd għandu mnieħer biex ixomm.
Ħadd mhu iblah, kulħadd jaf x'għandu jagħmel.
Kull ilma jaqta’ l-għatx.
F'sitwazzjoni fejn m'għandekx għażla, kollox jgħin.
L-aħjar triq tan-nofs.
M'hemmx isbaħ mill-moderazzjoni.
Aħjar għasfur f’idejk milli mija fl-ajru.
Aħjar ikollok iċ-ċertezza li xi ħaġa hija tiegħek, milli ma jkollok ebda ċertezza fuq ħafna affarijiet.
Għal musmar titlef in-nagħla.
Għal ħaġa mhi xejn tispiċċa titlef kollox.
Kull ħaġa f’waqtha.
Kollox għandu jsir fil-mument opportun.
Jew iddoqq jew tiżfen.
Ma tistax tleħħaq ma' kollox f'salt.
Ma tistax toħroġ id-demm mill-blat.
Dak li mhux possibbli taħsibx fih.
Dak li għandek tagħmel aħseb għalih kmieni.
Jekk għandek xi ħaġa x'tagħmel agħmilha minnufih.
Agħti fuq il-ħadida meta tkun mikwija.
Toqgħodx tistenna biex tagħmel xi ħaġa, aqbad u agħmilha.
Kollox duħħan fuq din l-art.
Kollox jasal fi tmiemu fid-dinja.
Kull soddieda ssib il-flixkun tagħha.
Għal kollox hemm is-soluzzjoni adatta. Soddieda hija tapp; oġġett li jsodd.
Meta jaqbel qabbel.
Aħtaf kull okkażjoni tajba li tiġik biex tmur minn fuq.
Il-lejl għal-lpup.
Toħroġx tiġri barra billejl, evita l-periklu. Lpup huwa l-plural ta' lupu.
Erba’ għajnejn aħjar minn tnejn.
Meta jkun hemm aktar minn persuna waħda tiċċekkja biċċa xogħol, hemm aktar ċans li jinqabdu l-iżbalji.