Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Għall-magħmul m’hemmx kunsill.
Jew tiekol jew issaffar.
Ma tistax tleħħaq ma' kollox f'salt.
Is-self joħroġ jidħaq u jidħol jibki.
L-affarijiet tiegħek tieħu ħsiebhom, iżda meta tislifhom lil ħaddieħor kun af li mhux ser jieħu ħsiebhom bl-istess mod.
Jiswa wisq aktar il-ħmar tiegħek miż-żiemel ta’ ħaddieħor.
Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta' ħaddieħor.
Għal min mhux mistieden m’hemmx siġġu għalih.
Min ma jridekx mhux se jilqgħek.
Dak li jagħmilhielek darba jagħmilhielek mitt darba.
Min diġà tak prova li ma tistax tafdah tkunx iblah u terġa' tafdah.
Fejn ma tafx tindaħalx.
Jekk ma tafx biżżejjed dwar is-suġġett jew is-sitwazzjoni mela tgħid xejn u tagħmel xejn.
Iftaħ biebek u ftaħar jew agħlqu u nsatar.
Jekk se tiftaħar ara li jkollok biex, għax taqa' għaċ-ċajt.
Kulħadd iridha dik iċ-ċajta kultant.
Ċajta ta' kultant tagħmillek il-ġid.
Dur, dur, dur madwar in-nassa, fl-aħħar il-ġurdien jidħol fl-ingassa.
Min jersaq wisq viċin tal-periklu xi darba se jweġġa'.
Lil min tisilfu titilfu, lil min tagħtih iddarrih.
Meta tislef jew tagħti xi ħaġa lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhielek lura.
Il-ġdid dejjem sabiħ.
L-affarijiet il-ġodda dejjem iżjed attraenti.
Kollox jiġi f’waqtu.
Hemm il-ħin u l-mument it-tajjeb għal kollox.
Il-ħmar tiegħi u nirkeb wara.
Ara li dak li hu tiegħek tgawdih int, mhux tħalli lil ħaddieħor igawdih hu minflokok.
Kull regola għandha l-eċċezzjoni tagħha.
Qatt ma hemm xejn assolut.
Il-fuħħara li ġġelġel hija mxiegħra.
Trid taċċetta li tagħmel x'tagħmel ser issir il-ħsara. Fuħħara tfisser reċipjent tal-fuħħar u mxiegħra tfisser li tkun ixxaqqet.
Jiswa wisq aktar il-ħmar tiegħek miż-żiemel ta’ ħaddieħor.
Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta' ħaddieħor.
Kulħadd għandu mnieħer biex ixomm.
Ħadd mhu iblah, kulħadd jaf x'għandu jagħmel.
Jekk trid tiekol il-bajtar, itla’ aqta’ int.
Jekk biċċa xogħol diffiċli tridha ssir sew, agħmilha int u tqabbadx lil ħaddieħor.
Fil-borma fula niexfa u fit-taġen fula xierfa.
Ir-riżultat huwa determinat minn dak li tiddeċiedi li tagħmel inti.
Is-self wisq drabi jinbidel f’telf.
Meta tislef oġġett jew il-flus lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhomlok lura malajr jew fl-istess stat tajjeb li tkun slifthulhom int.