Biex l-affarijiet isiru sew, iridu jsiru bil-mod u bil-paċenzja. Xejn ma jsir f'daqqa.
Is-self ħu t-telf.
Meta tislef oġġett jew il-flus lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhomlok lura malajr jew fl-istess stat tajjeb li tkun slifthulhom int.
Kollox jiġi f’waqtu.
Hemm il-ħin u l-mument it-tajjeb għal kollox.
Jew iddoqq jew tiżfen.
Ma tistax tleħħaq ma' kollox f'salt.
Il-fuħħara li ġġelġel hija mxiegħra.
Trid taċċetta li tagħmel x'tagħmel ser issir il-ħsara. Fuħħara tfisser reċipjent tal-fuħħar u mxiegħra tfisser li tkun ixxaqqet.
Dak li ma kienx għad jista’ jkun.
Dak li ma ġarax il-passat jista' jiġri fil-futur.
Il-borma min iħawwarha jaf x’fiha.
Min ikun għamel xi ħaġa hu stess ikun jaf eżatt x'sar u x'ma sarx.
Jiswa wisq aktar il-ħmar tiegħek miż-żiemel ta’ ħaddieħor.
Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta' ħaddieħor.
Jekk trid il-ħaġa magħmula sewwa, agħmilha int.
Biex ħaġa ssir skont l-aspettattivi tiegħek, aqbad u agħmilha inti.
Għasfur f’idejk aħjar minn mija fl-ajru.
Aħjar ikollok xi ħaġa fiċ-ċert minn ħafna affarijiet bla garanzija li xi darba se jkunu tiegħek.
Il-ftit ma jxebbax.
Bħal meta tiekol ftit u ma tixbax, hekk ukoll ċerti affarijiet jitolbu iżjed minn ftit sforz biex jirnexxu.
Erba’ għajnejn aħjar minn tnejn.
Meta jkun hemm aktar minn persuna waħda tiċċekkja biċċa xogħol, hemm aktar ċans li jinqabdu l-iżbalji.
Ara u erġa’ ara qabel ma taqbeż.
Aħsibha sew qabel tieħu deċiżjoni.
Jekk trid tiekol il-bajtar, itla’ aqta’ int.
Jekk biċċa xogħol diffiċli tridha ssir sew, agħmilha int u tqabbadx lil ħaddieħor.
Biex tolqot ħu l-mira tajjeb.
Trid taħsibha sew qabel ma tgħid jew tagħmel xi ħaġa.
Ixxammarx kmiemek qabel ma jasal żmienek.
Tiftaħarx qabel ma jkollok tassew biex.
Bużobba b’li kellu ddobba.
Tiddobba b'dak li jkollok, m'hemmx mod ieħor.
Jekk int mgħaġġel mur mal-vapur.
Ħu paċenzja u stenna wara min imissek fil-kju, inkella itlaq.
Fejn għajnejk, oħrajn għajrek.
Dak li trid inti wisq probabbli jridu ħaddieħor ukoll.
Il-munxar għana u l-qaduma ħala.
Kun effiċjenti, bħas-serrieq (= munxar) li huwa iżjed effiċjenti mill-mannara (= qaduma).
Il-lest lest.
Li tkun lestejt m'għandekx iżjed ħsiebu.