Tagħmilx dak li taf li ser joħloq ħafna problemi.
Biex titgħallem tgħum ma tridx tibża’ mill-ilma.
Għall-pariri kulħadd raġel.
Kulħadd jaf jagħti parir għax faċli ħafna, kelma tmur fin-nofs.
Kulħadd iridha dik iċ-ċajta kultant.
Ċajta ta' kultant tagħmillek il-ġid.
La ħablet jeħtiġilha tiled.
Kulma tagħmel għandu l-konsegwenzi tiegħu.
Jekk int mgħaġġel mur mal-vapur.
Ħu paċenzja u stenna wara min imissek fil-kju, inkella itlaq.
It-tħollija ta’ xi ħaġa mil-lum għall-għada ma tasal qatt.
Il-prokrastinazzjoni ma twasslek imkien - aqbad u agħmel li għandek tagħmel.
Aħseb ħafna, tkellem ftit, ikteb inqas.
Inqas ma taħseb, titkellem u tikteb, inqas hemm ċans li tagħmel żball.
Dak li jagħmilhielek darba jagħmilhielek mitt darba.
Min diġà tak prova li ma tistax tafdah tkunx iblah u terġa' tafdah.
Kull ilma jaqta’ l-għatx.
F'sitwazzjoni fejn m'għandekx għażla, kollox jgħin.
Il-ħaġa f’waqtha tajba.
Agħmel li għandek tagħmel mill-ewwel u taħlix żmien.
Il-fuħħara li ġġelġel hija mxiegħra.
Trid taċċetta li tagħmel x'tagħmel ser issir il-ħsara. Fuħħara tfisser reċipjent tal-fuħħar u mxiegħra tfisser li tkun ixxaqqet.
Aħrab l-iff, il-puff u l-jaqq għax iġibu wġigħ ta’ żaqq.
Tbati inqas jekk titgħallem mill-iżbalji ta' ħaddieħor.
Fil-borma fula niexfa u fit-taġen fula xierfa.
Ir-riżultat huwa determinat minn dak li tiddeċiedi li tagħmel inti.
Aħjar tgħawweġ milli tkisser.
Agħmel żball li jissewwa mhux wieħed li ma jissewwiex.
Id-dinja ma saritx f’daqqa.
Biex l-affarijiet isiru sew, iridu jsiru bil-mod u bil-paċenzja. Xejn ma jsir f'daqqa.
Iftaħ biebek u ftaħar jew agħlqu u nsatar.
Jekk se tiftaħar ara li jkollok biex, għax taqa' għaċ-ċajt.
Aħbar li ma taqbillekx, toqgħodx tismagħha.
M'hemmx għalfejn tkompli tisma' aħbar ħażina.
Dabbar rasek għax idabbruhielek.
Ara l-affarijiet tiegħek għax ħaddieħor tiegħu wkoll jara.
Bniedem avżat nofsu armat.
La tkun taf b'xi ħaġa minn qabel, għandek kull opportunità biex tlesti ruħek.
Il-lejl għandu wliedu suwed.
Isiru ħafna affarijiet ħżiena billejl, mela oqgħod attent(a).
Kull regola għandha l-eċċezzjoni tagħha.
Qatt ma hemm xejn assolut.