Xi nisa jaslu li jagħmlu minn kollox għall-flus. Il-ħwietem huma ċ-ċrieket.
Raġel ma jitqiesx bix-xiber.
Xi wħud mill-qwiel b’rabta man-nisa u l-irġiel jagħtuna perspettiva antikwata tar-rwoli tagħhom fis-soċjetà, u ma jirriflettux neċessarjament il-valuri moderni. Ħudhom għaldaqstant minn lenti storika. Apprezza r-rikkezza lingwistika u kulturali waqt li żżomm f’moħħok li ż-żminijiet u l-attitudnijiet inbidlu.
Bir-raġel tiġieġa u bil-mara serduq, id-dar tinqaleb ta’ taħt fuq.
Jekk il-mara tmexxi lir-raġel fid-dar, kollox imur ħażin.
Jekk ir-raġel jikxef karusu, il-mara tieħdu għal flusu.
Ir-raġel m’għandux juri lill-mara kemm għandu flus qabel jiżżewwiġha.
Il-ħafa jitfi ż-żina.
In-nisa li dari kienu jimxu ħafjin barra kienu jitilfu mis-sbuħija tagħhom. Żina (bl-aċċent fuq l-i) tfisser ġmiel.
Il-mara ġabbara hi l-għana ta’ darha.
Bis-saħħa tal-mara bieżla li tieħu ħsieb, il-familja tgħix kuntenta.
Is-subien jaħsbu fix-xwieni u l-bniet jaħsbu fil-ġejjieni.
Dari s-subien kienu jfittxu xogħol fuq il-baħar, mentri l-bniet kienu jaħsbu biex ikollhom familja.
Tifla sabiħa tinqala’ b’ġieħha, tifla kerha tinqala’ bil-mera.
Mara naturalment sabiħa m'għandhiex għalfejn tagħmel l-isforz li tagħmel mara kerha biex tidher sabiħa.
Raġel ħażin, u int eħżen minnu, tixtri ħobż u taħbilu minnu.
Trid tkun iżjed makakk mill-makkak biex tirbaħlu.
Il-mara li ma tifhimx b’daqqa ta’ għajn, ma tifhimx b’daqqa ta’ ponn.
Bil-vjolenza xorta m’intix se ddawwar il-fehma ta’ mara.
Meta bewsa tagħtik mara, imbagħad trid tara xi jkun ġara.
In-nisa manipulattivi u jiġu jinħabbu miegħek għax ikollhom bżonn xi ħaġa.
Ir-raġel qalbu qaqoċċa; jagħti werqa lil kulħadd imma l-qalba jagħtiha lill-mara.
Il-mara dejjem għandha post speċjali f’qalb żewġha.
It-twieqi jżejnu l-palazzi.
Minn għajnejn (= it-twieqi) persuna, tara l-ġmiel tagħha.
Mara sabiħa, tikber kemm tikber, dejjem tajba għat-tieqa.
Mara sabiħa dejjem sabiħa tibqa’.
Il-mara sewwa, tidħaq u tgawdi ġewwa.
Ħsieb il-mara għandu jkun f’familtha.
Il-mara għad-dnub imdawra, m’għonqha dejjem imġawhra.
Prostituta kemm trid issib klijenti u b’hekk dejjem ikollha l-flus.
Il-ħafa jitfi ż-żina.
In-nisa li dari kienu jimxu ħafjin barra kienu jitilfu mis-sbuħija tagħhom. Żina (bl-aċċent fuq l-i) tfisser ġmiel.
Ma jistax ikun il-bettija mimlija u l-mara sakrana.
Ma jistax ikollok il-flus fil-but u tberbaqhom fl-istess ħin.
Il-mara tal-kaċċatur hi bħall-mara tal-furnar, bi driegħ wieħed.
Il-mara kemm tal-kaċċatur kif ukoll tal-furnar dejjem nieqsa mill-flus.
Il-mara dellha tqil.
Il-mara tinqabad mal-inqas ħaġa li tagħmel.
Raġel bla ħila, aħjar xejn minnu.
Raġel li ma jkun kapaċi għal xejn, aħjar ma juri wiċċu mkien.
Meta titwieled tifla, l-ixkupa tieħu qatgħa.
Fl-antik it-tfajliet u n-nisa kienu ddestinati għal ħajja ta' xogħol tad-dar.