Il-Malti jaf jagħmel ħsara daqs il-far.
Il-mara mżejna minn butha mdejna.
Xi wħud mill-qwiel b’rabta man-nisa u l-irġiel jagħtuna perspettiva antikwata tar-rwoli tagħhom fis-soċjetà, u ma jirriflettux neċessarjament il-valuri moderni. Ħudhom għaldaqstant minn lenti storika. Apprezza r-rikkezza lingwistika u kulturali waqt li żżomm f’moħħok li ż-żminijiet u l-attitudnijiet inbidlu.
Il-mara tqila tirbaħ il-għażż u titlef il-ħila.
Hemm bżonn li mara tqila tistrieħ u mhux taħdem.
Is-simna sabiħa f’debba, aħseb u ara f’xebba.
Tfajla mibruma hija tfajla sabiħa.
Meta l-mara tkun se tobloq, bi ħsiebha, terġa’ tixtieq toħloq.
Madwar l-età ta' ħamsin sena, in-nisa terġa' tiġihom ix-xewqa jsiru ommijiet.
Raġel ma jitqiesx bix-xiber.
Il-kumplessità tal-karattru ta’ dak li jkun hija kbira ħafna.
Mara ssaffar u tiġieġa tidden la żżommhomx id-dar.
Superstizzjoni: mara li ssaffar u tiġieġa li tidden iġibulek il-fell.
Il-mara li ma tifhimx b’daqqa ta’ għajn, ma tifhimx b’daqqa ta’ ponn.
Bil-vjolenza xorta m’intix se ddawwar il-fehma ta’ mara.
Meta xebba xawwatha tgħatti, ħajjitha opra bi tliet atti.
Meta xebba tieħu ħsieb li ġġib ruħha b'mod deċenti (= tgħatti xawwatha), ma tiżbaljax u tgħix kuntenta bla dispjaċiri.
Raġel ħaddiem jiswa għal tnejn.
Raġel li kapaċi f’xogħlu jtella’ ħafna xogħol.
Ir-raġel dejjem bandiera bajda.
Raġel dejjem jeħlisha eħfef minn mara meta jagħmel xi ħaġa ħażina.
Mara sabiħa, tikber kemm tikber, dejjem tajba għat-tieqa.
Mara sabiħa dejjem sabiħa tibqa’.
Aħjar mart min int milli bint min int.
Aħjar tkun mara miżżewġa milli xebba.
Debba bla lġiem fis tikser għonqha.
Il-mara għandha toqgħod attenta f'dak li tagħmel biex ma jiddispjaċihiex.
Il-kliem tan-nisa jaħraq bħan-nar.
Ilsien ta' mara jista' jweġġa' ħafna.
Mara taħdem il-bizzilla, għal qrun ir-raġel ma tistax tiddwella.
Mara li tkun id-dar ma tkunx taf x’qed jagħmel ir-raġel meta jkun barra.
Il-ġuvni bandiera bajda.
Ġuvni jeħlisha eħfef minn xebba meta jagħmel xi ħaġa ħażina.
Raġel id-dar, xitan fuq xkaffa.
Raġel li joqgħod id-dar, joqgħod jindaħal lil martu.
Aħjar xiħ u għaref milli żagħżugħ u iblah.
Aħjar tiżżewweġ raġel matur b'esperjenza tal-ħajja minn wieħed għadu żagħżugħ u iblah.
Id-dbielet twal ikarkru t-trab, imma d-dbielet qosra jkarkru l-erwieħ.
In-nisa għandhom jilbsu onest.
Meta l-mara tiżżewweġ tidħol f’darha u l-mewt biss taqlagħha minn hemm.
Dari n-nisa li kienu jiżżewġu kienu jibqgħu d-dar u l-mewt biss teħlishom minn dik il-ħajja.
Mara bil-għonnella qatt ma taf x’għamlet u x’kellha.
Fl-antik l-għonnella kienet tgħatti t-tqala.