Min hu intelliġenti jitgħallem mill-iżbalji tiegħu.
Min jaħrat bil-ħmir ma jiħux qoton.
Fid-dinja m’hawnx ħmar fartas.
Peress li l-ħmar qatt ma jitlef xagħru, biċ-ċajt ngħidu li min jiqriegħ sinjal li qed isir għaref!
Iċ-ċomb jgħum u t-tiben jegħreq.
Kollox ta' taħt fuq: min kapaċi jasal qed jibqa' lura u min mhu kapaċi għal xejn qed isib min jaqilgħu.
L-għira titrod wara l-għaref bħal dellu miegħu.
In-nies jgħiru għal min hu għaref. Titrod tfisser timxi wara (mill-verb tarad).
Il-ħmar xi daqqiet jitla’ mal-arblu.
Anke min ma tantx hu intelliġenti kultant jissorprendina.
Fejn ma tafx saqsi.
Titgħallem jekk tistaqsi.
Ħmar għama li ma jarax, il-bniedem li jara u ma jaqrax.
Min għandu l-ħila jitgħallem u ma jisfruttahiex, ma jkunx aħjar minn ħmar għami.
Min jiftaħ għajnejh irewwaħ ġismu.
Min jitgħallem isib xogħol komdu, mingħajr tbatija fiżika.
L-għaref f’raħlu mhux magħruf.
L-għorrief mhumiex rikonoxxuti fir-raħal tagħhom.
Mhux iblah daqskemm hu ikrah.
Xi nies taħsibhom boloh minn kif jidhru, iżda ma jkunx il-każ.
L-għorrief ħasbuha u l-boloh għamluha.
Min hu għaref ma jaqbadx u jagħmel kulma jiġih f'moħħu, bħall-iblah.
Faqar il-but minn faqar il-moħħ.
Il-bniedem injorant qatt ma jagħmel il-flus għax moħħu ma jasalx.
Iblah min ma jitgħallimx.
Il-veru injorant huwa dak li ma jitgħallem qatt.
Għaref f’raħlu mhux mismugħ, jitkellmu warajh biex imaqdruh.
Xi membri tal-familja ma jġibulekx rispett.
L-għerf jikber u n-nies teħżien.
Il-bniedem qiegħed kulma jmur isir iżjed għaref, iżda fl-istess ħin qiegħed ukoll isir iżjed makakk u manipulattiv.
Min jemmen kull ma jsawrulu jinħela, sa kull m’għandu jeħdulu.
Li trid tagħmel b'min hu baħnan tant li jemmen kull ma jgħidulu.
Mhux kull min għandu rasu għandu moħħu.
Mhux kulħadd jaf juża moħħu.
Karta f’idejn pastaż, għasfur f’idejn it-tfal.
Min ma jiħux ħsieb jew japprezza dak li għandu huwa injorant.
L-għerf ma fihx tarf.
Taf kemm tkun taf, qatt ma taf biżżejjed.
Iblah min ma jitgħallimx.
Il-veru injorant huwa dak li ma jitgħallem qatt.
Min jaħsel ras il-ħmar jaħli l-ilma u s-sapun.
Tippruvax tgħallem bniedem injorant għax ma jitgħallem qatt.