Meta ma tgħid xejn taqta' figura aħjar, għax dak li ma tgħidx ma jistgħux jiġġudikawk fuqu.
Min joħbol biċ-ċajt, jiled ir-riħ.
Iżjed ma wieħed jifhem li hu għaref, hu iblah.
Min hu tassew għaref jirrikonoxxi hu stess kemm ma jaf xejn.
Ix-xieref tieref, ħareġ mingħand il-għaref u daħal għand dak l-iblah.
Min għandu naqra sens f'moħħu malajr jagħmel li jrid bl-injorant. Xieref tfisser żiemel xiħ u tieref tfisser bla valur.
L-għerf aqwa mill-qawwa.
Bniedem għaref kapaċi jagħmel ħafna affarijiet, fosthom jieħu ħsieb saħħtu aħjar.
Min jidħaq ħafna jew iblah jew miġnun.
Min jidħaq ta' xejn juri nuqqas ta' intelliġenza jew ġenn tal-moħħ.
Iċ-ċomb jgħum u t-tiben jegħreq.
Kollox ta' taħt fuq: min kapaċi jasal qed jibqa' lura u min mhu kapaċi għal xejn qed isib min jaqilgħu.
Meta sarraf tgħarraf.
Meta wera x'inhu kapaċi jagħmel (= sarraf), in-nies apprezzawh iżjed (= tgħarraf).
Ix-xemx ma ddawwalx il-għami.
Min ma jridx jifhem, mhux ser jifhem.
Min jiftaħ għajnejh irewwaħ ġismu.
Min jitgħallem isib xogħol komdu, mingħajr tbatija fiżika.
Id-daħq f’ħalq il-boloh.
Min jidħaq ta' xejn juri nuqqas ta' intelliġenza.
Aħjar titgħallem spejjeż ta’ ħaddieħor milli titgħallem spejjeż tiegħek.
Tbati inqas jekk titgħallem mill-iżbalji ta' ħaddieħor.
Iċ-ċomb jgħum u r-rix jegħreq.
Kollox ta' taħt fuq: min kapaċi jasal qed jibqa' lura u min mhu kapaċi għal xejn qed isib min jaqilgħu.
Min jaħrat bil-ħmir ma jiħux qoton.
Titlobx l-għajnuna ta' min hu injorant għax xejn ma tieħu.
Faqar il-but minn faqar il-moħħ.
Il-bniedem injorant qatt ma jagħmel il-flus għax moħħu ma jasalx.
Il-boloh biss ma jaħsbux.
L-iblah jagħmel l-affarijiet bla ħsieb.
L-ebda ħmar mhu fartas.
Hemm min jemmen li min hu qargħi iżjed għaref.
Fejn ma tafx saqsi.
Titgħallem jekk tistaqsi.
Il-ħażin joħroġ minn dar l-għaref u jidħol f’dar l-iblah.
Il-ħażin jibqa' ħażin għal kulħadd, hu x'inhu l-livell ta' intelliġenza.
Aħjar kemm int ġifa minn kemm int raġel.
Aħjar tilgħabha tal-iblah u tevita l-inkwiet milli tipprova toħroġ ta' bravu u tbati l-konsegwenzi.
Il-ħmar jekk ma tagħmillux il-kappestru ma ssuqux.
Lil min hu injorant jeħtieġ li tiggwidah inti biex jimxu l-affarijiet.
L-għira titrod wara l-għaref bħal dellu miegħu.
In-nies jgħiru għal min hu għaref. Titrod tfisser timxi wara (mill-verb tarad).