Superstizzjoni li raġel li jitwieled f'Marzu (żmien il-ful) jibqa' fertili sa xjuħitu.
kategorija
l-età
Wieħed żagħżugħ bewsa ta’ mara toħroġlu dmugħ.
Raġel żagħżugħ ikun iblah u mixtieq mill-imħabba, u jħalli mara sabiħa tisseduċih u tagħmel li trid bih.
Wieħed xiħ bewsa ta’ mara ma tagħmilx bih.
Ix-xiħ ma tagħmilx li trid bih, lanqas mara seduċenti.
Warda ta’ Mejju u mhux ta’ qalb il-plejju.
Iżżewweġ persuna li tkun għadha friska u żagħżugħa, u mhux waħda diġà mgħobbija bit-tiġrib tal-ħajja.
Wara x-xjuħija l-għaġeż.
Meta x-xjuħ isiru għakka, l-età tkun kagħbrithom wisq u ma jkunu jifilħu jagħmlu xejn.
Wara t-tfulija tiġi ż-żgħożija.
Iż-żmien jgħaddi u t-tfal malajr isiru żgħażagħ.
Wara l-ħamsin il-mara tibda tidbiel.
Iż-żmien jidher iżjed fin-nisa wara li jagħlqu l-ħamsin sena.
Ta’ ħamsin kaħħlu u ta’ sittin daħħlu fil-ħajt.
Akar kemm nikbru fl-età, aktar niżmagaw.
Tagħlim fil-kbir bħall-qris fil-ħmir.
Meta tkun għadek żgħir, moħħok ikun iżjed frisk u titgħallem malajr. Meta tikber, il‑moħħ jitgħallem iżjed bil‑mod.
Sakemm raġel għadu jiflaħ qatta tiben, ikun għadu kapaċi jagħmel tifel.
Sakemm raġel ikun għadu f'saħħtu, anke ta' ċerta età, dan ikun kapaċi jnissel tarbija.
Qattus xieref għidlu: “Kixx!”
Wieħed għandu joqgħod attent minn min għandu iżjed żmien u esperjenza, għax japprofitta ruħu minn min hu iżgħar.
Qattus xieref ġurdien tari jfittex.
Wieħed għandu joqgħod attent minn min għandu iżjed żmien u esperjenza, għax japprofitta ruħu minn min hu iżgħar.
Qaħba xaħxeħija ma għandha qatt xjuħija.
Iż-żmien bħal donnu ma jilħaqx lill-prostituti li jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Xaħxeħija tfisser li tgħix ħajja ta' lussu. Qawl li jfisser ukoll li l-ħażin dejjem isib modi kif jibqa' jgawdi, għax moħħu jilħaqlu.
Nannu xiħ bil‑kabozza u d-dulliegħ.
Meta raġel jixjieħ ma jagħmel xejn utli, ħlief jissaħħan bil‑kabozza (għamla ta' kowt) u joqgħod id‑dar jiekol.
Nannu xiħ bil-kabozza u l-muftieħ.
Meta raġel jixjieħ ma jagħmel xejn utli, ħlief jissaħħan bil-kabozza (għamla ta' kowt) u joqgħod id-dar.
Moħħ il-bniedem arloġġ.
Biż-żmien moħħna ma jibqax tajjeb daqs kemm ikun tajjeb f'żgħożitna.
Min ma jismax minn min hu akbar minnu l-hemm jhemmu.
Agħti widen lil min hu ikbar minnek, il-pariri tiegħu msejsa fuq l-esperjenza tal-ħajja. L-hemm jhemmu tfisser li l-għawġ jinkwetah.
Min jixjieħ jibda jitlef ir-riħ.
Meta tixjieħ titlef saħħtek u s-sens tar-raġuni.
Min jixjieħ jerġa’ jsir tifel.
Meta tixjieħ u titlef saħħtek u s-sens tar-raġuni tispiċċa tiddependi fuq ħaddieħor, bħat-tfal.
Min jitlef snienu jitlef żmienu.
Dak li jaqgħulu snienu jidher iżjed fih iż-żmien.
Min jitgħażżen f’żgħożitu jbati fi xjuħitu.
Min ikun għażżien f'żgħożitu jbati l-konsegwenzi fi xjuħitu, għax ma jkunx jiflaħ jaħdem u ma jkun faddal xejn.
Min jikber wisq ma jsir jiswa għal xejn.
Meta l-bniedem jixjieħ ħafna, ma jsir kapaċi jagħmel xejn għax ikun tilef saħħtu wisq.
Min jagħlaq l-erbgħin sena, jinqalagħlu qarn kull sena.
Malli tagħlaq l-erbgħin, kull sena tinqala' xi problema ta' saħħa.
Min għandu ħafna ġid jista’ jiżdiedlu, min għandu ftit jista’ jonqsu, iżda l-għomor jonqos żgur lit-tnejn.
Ikollok kemm ikollok flus, il-mewt ma jirbħilha ħadd.
Meta nikbru ninsew x’konna.
Meta nilħqu jew navvanzaw fil-karriera, ninsew minn fejn konna bdejna, bl-istess mod li meta nixjieħu ninsew li xi darba konna żgħar.
Meta jkollok erbgħin sena jinqalagħlek qarn kull sena.
Malli tagħlaq l-erbgħin, kull sena tinqala' xi problema ta' saħħa.
Mard il-kobor m’hemmx duwa għalih.
Ix-xjuħija ma tistax tfejjaqha.
L-inbid ħalib ix-xjuħ.
Ix-xjuħ iħobbuh ħafna l-inbid.
L-għaġuża eħżen mix-xitan.
L-anzjani makakki u ma tagħmilx bihom li trid. Għaġuża hija mara xiħa.
Kif tagħlaq iċ-ċinkwanta, ix-xitan jibda jittanta.
Malli tagħlaq ħamsin sena, jibda ġej ħafna mard.
Jekk il-qaħba tkun xaħxeħija għaliha m’hemmx xjuħija.
Iż-żmien bħal donnu ma jilħaqx lill-prostituti li jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Qawl li jfisser ukoll li l-ħażin dejjem isib modi kif jibqa' jgawdi, għax moħħu jilħaqlu.
Iż-żgħar jaħsbu li x-xjuħ boloh u x-xjuħ jafu li ż-żgħar boloh.
Iż-żgħażagħ jitqarrqu għax jaħsbu li l-anzjani boloh, iżda l-anzjani jafu biċ-ċert li ż-żgħażagħ boloh għax daqshom kienu xi darba.
Iż-żagħżugħ iġennen u x-xiħ idellel.
Iż-żgħażagħ jiġġennu wara xulxin u jiddrammatizzaw, iżda l-anzjani huma iżjed galbati minħabba t-tiġrib tal-ħajja. Il-verb dellel ifisser li tittratta lil xi ħadd tajjeb ħafna.
Iż-żagħżugħ iferrħek u x-xiħ idejqek.
Iż-żgħażagħ iġibu magħhom il-ferħ għax għadhom fil-bidu ta' ħajjithom, filwaqt li x-xjuħ iġibu d-dwejjaq għax ikunu waslu fl-aħħar ta' ħajjithom. Sens ieħor huwa li l-ġdid dejjem jogħġobna iżjed mill-qadim.
Ix-xiħ imut imqabbad u ż-żagħżugħ imut imqarraq.
Ix-xjuħ jixtiequ ma jmutux u ż-żgħażagħ jaħsbu li l-mewt ma tilħaqhomx.
It-tagħlim fil-kbar bħall-qris fil-ħmar.
Meta tkun għadek żgħir, moħħok ikun iżjed frisk u titgħallem malajr. Meta tikber, il-moħħ jitgħallem iżjed bil-mod.
Kliem ix-xiħ żomm fih.
Agħti widen lill-anzjani, il-pariri tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza tal-ħajja.
Il-parir tax-xiħ żomm fih.
Agħti widen lill-anzjani, il-pariri tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza tal-ħajja.
Il-logħob għat-tfal u l-ħatar għax-xiħ.
Kull fażi tal-ħajja għandha tagħha, meta nkunu tfal narmu s-saħħa nilagħbu u meta nixjieħu mmajnaw. Ħatar huwa bastun.
Il-ħmar ix-xiħ issa jorqos u issa jistrieħ.
Meta nixjieħu nibdew nimirdu iżjed u nitilfu saħħitna. Jorqos tfisser izappap.
L-għaġuża f’nofs ir-Randan tinqasam.
Skont l-għajdut folkloristiku, f’nofsinhar tat-tieni Ħamis tal-ġimgħa tar-Randan, l-ixjeħ mara tar-raħal (= l-għaġuża) kienet tintefa’ mill-kampnar tal-knisja għal isfel.
Il-bniedem jikber u l-qalb tiċkien.
Aktar kemm nixjieħu, aktar inħossuhom l-emozzjonijiet.
Il-baħar fis-sajf xiħ u fix-xitwa ġuvni.
Il-maltempi fuq il-baħar fis-sajf ikunu ħafna inqas ħorox milli fix-xitwa.
Ibża’ mil-leħja twila.
Huwa aktar faċli li n-nies ta' esperjenza jidħqu bik.
Ħu raġel ikbar minnek u mhux żagħżugħ jixba’ minnek.
Sib raġel li jkun ikbar minnek fl-età għax jibqa' jridek.
Ħares lejn snieni u eħlisni kmieni.
L-anzjani għandhom jinqdew qabel ħaddieħor, ħabba li saħħithom hija iżjed fraġli.
Ħadt il-ġmiel, il-flus u ż-żgħożija u ma baqagħlix ħlief l-inxiefa u l-kruhija.
Iż-żmien kollox jeħdilna bil-mod il-mod.
Għix bil-mod u tgħix ħafna.
Min il-ħin kollu jiġri u għandu x'jagħmel, ħajtu tgħaddi malajr.
Għalhekk l-għaġuża ma tridx tmut, għax aktar ma tikber iżjed titgħallem.
M'hemmx età għat-tagħlim. Għaġuża hija mara xiħa.
Frotta misjura ruħha fi snienha.
Bħal frotta misjura li tkun waslet biex titħassar, il-ħajja tax-xiħ tkun waslet fl-aħħar.
Fejn hu żmienek, ja ħerba? Dari mdawra bil-lellux.
Iż-żmien jistieden il-ħerba f'darna u jxejjaħna.
Faddal għal meta tixjieħ.
Faddal il-flus biex la tirtira ssibhom.
Darbtejn insiru tfal.
Meta tixjieħ u titlef saħħtek tispiċċa tiddependi fuq ħaddieħor, bħat-tfal.
Biż-żmien issir iż-żorba.
Biż-żmien nixjieħu u nitilfu saħħitna.
Armla ta’ tletin tfittex raġel bħall-għamjin, armla ta’ ħamsin tagħżel mill-qalbenin.
Armla li tkun għadha żagħżugħa toqgħod inqas attenta minn armla aktar imdaħħla fiż-żmien meta tfittex raġel ieħor.
Aktar ma tikber, aktar titgħallem.
Il-bniedem jitgħallem bit-tiġrib tal-ħajja.
Aktar ma nikbru, aktar noqorbu.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar noqorbu lejn il-mewt.
Akbar sena, aktar mitt sena.
Min għandu iżjed żmien minnek dejjem ser ikollu iżjed esperjenza tal-ħajja.
Akbar minnek b’jum, għeref minnek sena.
Min għandu iżjed żmien minnek dejjem ser ikollu iżjed esperjenza tal-ħajja.
Agħar hu minn zokk tal-fiġel li aktar ma jikber aktar jixraf.
Aktar ma jixjieħ, aktar imur għall-agħar.
Iż-żmien isejjel il-ħajja.
Ħajjitna mislufa, mhix għal dejjem. Isejjel tfisser idejjen.
Iż-żmien jgħaddi u l-għomor jonqos.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tiqsar ħajjitna.
Iż-żmien ma jistenna lil ħadd.
Jeħtieġ li ż-żmien tużah tajjeb, għax ma jerġax jiġi lura.
Iż-żmien ma jaħfirha lil ħadd.
Jeħtieġ li ż-żmien tużah tajjeb, għax ma jerġax jiġi lura.
Tifel, żagħżugħ jew xiħ, id-dinja xorta ddur għalih.
L-irġiel ħajjithom kollha iżjed liberi min-nisa.
Aħjar xiħ u għaref milli żagħżugħ u iblah.
Aħjar tiżżewweġ raġel matur b'esperjenza tal-ħajja minn wieħed għadu żagħżugħ u iblah.
Mara sabiħa, tikber kemm tikber, dejjem tajba għat-tieqa.
Mara sabiħa dejjem sabiħa tibqa’.
Mara sabiħa tal-għoxrin ġmielha jibqa’, u għal raġel issir seħer tal-ħamsin.
Mara tkompli tikber u tisbieħ bl-esperjenza tal-ħajja.
Il-qwiel kollha, f’post wieħed.