It-tfal jitilgħu skont it-trobbija tagħhom.
Min jiftaħ biebu, jitlef lil uliedu.
Min jieħu lil ommna jsir għammna.
Napprezzaw lil dak ir-raġel li jiżżewweġ (= jieħu) lil ommna armla u jsir missierna tar-rispett (= għammna), għax jgħinna fil-flus. Dari n-nisa romol kienu jbatu ħafna meta jormlu.
Il-logħob tal-idejn u t-teptip tal-għajnejn jinsabu f’ulied il-fsied u l-hejm.
Il-fsied ma jagħmilx ġid għall-iżvilupp tal-karattru tat-tfal.
Il-karba tal-ħlas iġġiblek in-ngħas.
L-uġigħ tal-ħlas tant huwa kbir, li l-karba tal-omm tħossha ġo qalbek.
Il-muluda stabret u l-qabla ħterqet.
Kollox ta' taħt fuq, bħall-omm li qed tiled (= il-muluda) li minflok tgħajjat bl-uġigħ tikkalma u l-qabla (= il-majjistra) li minflok iżżomm il-kalma taqbad tistressja (= ħterqet).
Il-qamar mimli imma le jsellimli.
Meta l-mara ma tarax demm mestruwali, dan huwa sinjal li rnexxielha tinqabad tqila. Il-qamar mimli jirreferi għall-fatt li jkun għadda xahar.
Bejta li tgħajjex fiha dellilha u sewwiha.
Dejjem għandek tieħu ħsieb darek.
Min għandu l-bniet jistħi jkollu l-klieb.
Il-bniet jitilfu rashom wara xi ġuvni u jinsew lil missierhom; wara kollox, il-klieb ikunu iżjed leali lejh minnhom!
Min għandu lil mart missieru, għandu demla fuq ilsienu.
Meta l-missier jiżżewweġ mara oħra, it-tfal ma jmorrux tajjeb magħha.
Id-dar il-kbira aħjar mill-għalqa kbira.
Il-valur ta' dar ogħla mill-valur ta' għalqa.
Dari dari u darek darek; mieli mieli u mielek mielek.
Kulħadd jieħu ħsieb dak li hu tiegħu u għandu jagħmel l-istess b'ta' ħaddieħor.
Il-kokka lil uliedha tara l-isbaħ.
Il-ġenituri dejjem jaraw lil uliedhom bħala aħjar u isbaħ minn ulied ħaddieħor.
Fortuna fit-treġija tad-dar, l-aħjar fortuna.
Min isib lil xi ħadd li kapaċi jmexxi d-dar, ikun xortih tajba ħafna.
Aħjar tifel il-ħabs minn tifla soru.
Dari ma kinux jistgħu joħorġu minn soru. Tifel li jmur il-ħabs xi darba joħroġ, iżda tifla qatt ma terġa' lura.
Il-qgħad id-dar ma fihx għar.
Mara tad-dar m'għandhiex għalfejn tistħi għax li tagħmel xorta xogħol. Għar tfisser mistħija jew għajb.
Minħabba l-vava tithejjem il-mamma.
Ir-rikonoxximent ta' xi ħaġa ħadu ħaddieħor flok min kien ħaqqu.
Fejn jieklu erbgħa jieklu ħamsa.
Meta tkun familja kbira, l-ikel ikun ħafna u jista' jiekol anke wieħed ieħor.
Lil uliedek ħobbhom iżda turihomx.
Dari kienu jemmnu li jekk turi lit-tfal li tħobbhom, jagħmlu li jridu bik.
Il-logħob tal-idejn u t-teptip tal-għajnejn jinsabu f’ulied il-fsied u l-hejm.
Il-fsied ma jagħmilx ġid għall-iżvilupp tal-karattru tat-tfal.
Ara bint min hi u ngħidlek min hi.
It-tfal jitilgħu skont it-trobbija tagħhom.
It-tifel jixbah lil missieru.
L-ulied dejjem joħorġu jixbhu lill-ġenituri tagħhom.