Jekk tiżżewweġ lil xi ħadd b'karattru sabiħ, hemm ir-riskju li fil-futur ma jibqax sabiħ; jekk tiżżewweġ lil xi ħadd b'karattru ikrah, dan żgur qatt mhu ser isir sabiħ.
Min jagħmel daru fi xjuħitu jħalli lħitu.
Għal par għajnejn koroh hawn par għajnejn boloh.
Kulħadd isib l-imħabba, anke min forsi mhux daqshekk sabiħ fiżikament.
Iż-żwieġ rabta bl-ilsien li ma jħollha ebda żmien.
Ir-rabta taż-żwieġ tinħall biss bil-mewt.
Meta żżewwiġt bdielek, meta bqajt għażeb il-qamel kielek.
Ħadd mhu kutent bl-għażliet tiegħu; dawk li żżewġu ddispjaċiehom, u anke dawk li ma żżewġux. Għażeb huwa raġel mhux miżżewweġ.
Tifla ħudha minn dar ta’ nies jistgħu, u għalqa ħudha mingħand għażżien.
Dari ma kontx tiżżewweġ biss għall-imħabba iżda wkoll għad-dota tax-xebba - bl-istess mod, kien jaqbillek iżjed tikri għalqa li qatt ma tkun inħadmet.
Meta ssir ir-rabta taż-żwieġ, l-omm taħseb għal dak li hu meħtieġ.
Dari l-omm kien ikollha tibda taħseb għad-dota meta bintha tasal biex tiżżewweġ.
Iż-żwieġ fih lagħqa għasel u bettija morr.
Iż-żwieġ fih iżjed esperjenzi koroh milli sbieħ.
L-imħabba tal-ingarżament tegħleb lil tas-sagrament.
L-adulterju xorta jsir, minkejja l-għoti tal-wegħdiet taż-żwieġ fuq l-altar.
Armel u mrabbab ma fiex xi ttellet.
In-nisa ma jkunux iridu rġiel romol li diġà jkollhom it-tfal.
Armla ta’ tletin tfittex raġel bħall-għamjin, armla ta’ ħamsin tagħżel mill-qalbenin.
Armla li tkun għadha żagħżugħa toqgħod inqas attenta minn armla aktar imdaħħla fiż-żmien meta tfittex raġel ieħor.
Fiż-żwieġ min ifittex il-ġmiel u min ifittex il-miel.
Hemm min jiżżewweġ għad-dehra u hemm min jiżżewweġ għall-flus (= il-miel).
Meta l-faqar jidħol mit-tieqa, l-imħabba toħroġ mill-bieb.
Il-faqar huwa sors ta' xkiel għall-imħabba.
Agħti l-għanja ta’ mħabbtek qabel ma d-dinja tibda tħabbtek.
Fittex l-imħabba meta tkun għadek żagħżugħ, u ma tkunx taf x’inhu l-inwkiet.
L-isbaħ żwieġ hu dak li ma jiltaqax.
Il-ħajja miżżewġa tant hi diffiċli li jaqbillek ma tiżżewweġ xejn. Li ma jiltaqax tfisser li ma jsirx.
Għad li kerha s-sura, sabiħa l-avventura.
Anke persuna li mhix daqstant sabiħa ssib lil min iridha.
Miġja ta’ ħabibtek, risq iġġiblek.
Meta tiġi l-maħbuba tiegħek, tnessik id-dwejjaq kollha li jkollok.
Jekk toħroġ il-vara, ikollok idaħħalha.
Fiż-żwieġ kulħadd responsabbli minn dak kollu li tagħmel martu jew żewġu.
Iż-żwieġ qabel ma jinkiteb fl-art, ikun miktub erbgħin ġurnata qabel fis-sema.
Iż-żwieġ ikun diġà rieda t'Alla qabel isir fl-art.
Għal ratal laħam ma jaqbilx tixtri baqra.
Fiż-żwieġ is-sitwazzjonijiet diffiċli huma ħafna iżjed komuni minn dawk faċli, mela tagħżilx lil martek jew żewġek skont l-apparenza biss.
Ix-xemgħa torbot u l-qniepen tħoll.
Iż-żwieġ isir bix-xemgħat fil-knisja u jinħall biss malli tasal il-mewt.
Agħti ruħek għan-namur u d-dinja ħalliha ddur.
Ħobb lil min trid u ħalli n-nies jgħidu.