Meta fis-sema tkun tista' tara l-Kawkaw (= Alpha Carinae/Canopus, magħmula minn żewġ kewkbiet), ir-riħ ikun ġej min-Nofsinhar.
Fejn ix-xemx ma turix ma ssaħħanx.
Meta tibda taqa’ l-werqa, ix-xemx taraha bis-serqa.
Ix-xemx tibda tistaħba wara s-sħab meta tibda l-ħarifa.
Meta l-qamar irabbi l-qiegħa, tista’ tgħid li hu riħ isfel.
Meta l-qamar ikollu dija madwaru, ikun riħ isfel.
Ir-riħ imexxi l-bastimenti, imma hu jgħarraqhom.
Oqgħod attent għax ħaġa tista' daqqa tagħmillek il-ġid, u daqqa tagħmillek il-ħsara.
Bnazzi fix-xitwa, trott ta’ bagħla u kappell ta’ miġnun, qatt iżżomm magħhom.
Il-bnazzi fix-xitwa, it-trott ta' bagħla u n-nies imġienen qatt m'għandek tafdahom.
Meta jidhru l-kwiekeb kbar, ix-xita tkun qrib.
Il-kwiekeb kbar u ċari huwa sinjal li tkun ġejja x-xita.
Il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa.
M'għandek qatt tieħu sogru mal-baħar għax titqarraq.
It-temp tal-Punent ksir il-għajn kull mument.
Ir-riħ ikun mill-Punent iġib ħafna sħab.
Anqas l-ilma baħar mhu xorta.
Id-differenza kullimkien qiegħda.
Meta jiġu l-pluvieri jiġi l-maltemp.
Meta jiġu l-pluvieri, li huma għasafar tal-ispeċi Pluvialis squatarola, stenna l-maltemp.
Meta jsaffru l-iġfien ikunu fgaw il-widien.
L-iġfna/iġfien (plural ta' ġifen) kienu jsaffru għall-għajnuna fil-maltemp, bl-istess mod li ħaġa bilfors issir kawża ta' xi ħaġa oħra.
Ix-xita hdiet, kull tajra mxiet.
Ix-xita issa waqfet u kulħadd jista' jkompli fejn ħalla.
Ix-xitwa mara sewwa, is-sajf raġel xalatur.
Fix-xitwa hemm iżjed ġabra d-dar, fis-sajf hemm iżjed ħruġ u divertiment.
Il-bhejjem ta’ filgħodu tihom tibna ħa joqogħdu.
Il-ħmura ta’ matul il-ġurnata huwa sinjal li ġej il-maltemp, jiġifieri daħħal il-bhejjem ġewwa u stkenn.
Ix-xita bikrija tnebbet il-ġarġir.
Jinbet il-ġarġir meta tagħmel ix-xita bikrija.
Meta l-kelb jitmiegħek u l-ħmar jimraħ, jew l-irwiefen ittenna jew bix-xita għandek tifraħ.
L-imġiba tal-annimali turik x'tip ta' maltemp qed tistenna - jew riħ qawwi, jew xita biex issaqqilek l-għelieqi.
Għomma l-ħarifa, bard fix-xitwa.
It-temp jimxi mar-ritmu tal-istaġuni.
Meta qattus tara f’xi gallarija, għid li ħierġa x-xemx.
Il-qtates iħobbuha s-sħana tax-xemx u jmorru fiha meta toħroġ.
Il-Punent itella’ u jniżżel kull mument.
Ir-riħ mill-Punent iġib miegħu x-xita.
Meta l-ajru jagħmel tiegħu, sal-baħar juri qiegħu.
Il-maltemp tant ikun qawwi li l-baħar mill-qiegħ iqallbu.
Is-sajf il-maħruq jinqala’ l-ħruġ.
Dari s-sħana li kienet tagħmel fl-eqqel tas-sajf kienet iġġiegħel lin-nies joħorġu 'l barra u jmorru jgħumu, għax ġewwa kienet tkun wisq sħana.